170 diskors mit-tielet sena Arċisqof miġbura fi ktieb

L-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għadu kemm ippubblika t-tielet edizzjoni tal-ktieb ‘Kelma ta’ Ħabib’ li jiġbor fih 170 diskors li l-Arċisqof Charles Scicluna għamel matul it-tielet sena tal-episkopat tiegħu. Fi stqarrija maħruġa mill-Arċidjoċesi, l-Arċisqof Scicluna jistieden lil kull persuna tagħraf l-għerf li joffri t-tagħlim tal-Knisja għall-ħajja tal-bniedem.

Id-dritt tal-ħajja u d-dinjità tal-persuna, il-ġustizzja soċjali u l-ġid komuni, il-faqar u s-solidarjetà huma wħud mit-temi li l-Arċisqof Scicluna tkellem dwarhom fl-omeliji u l-messaġġi tiegħu matul it-tielet sena tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta. Il-ktieb fih ukoll 50 paġna ta’ ritratti bil-kulur li ttieħdu matul diversi ċelebrazzjoniijiet fil-parroċċi u attivitajiet oħra fis-sena liturġika 2016 – 2017.

Permezz tat-teknoloġija, il-qarrej jista’ jara l-filmati tad-diskorsi differenti permezz ta’ QR codes (Quick Response) fejn bl-użu tal-ismartphone, il-qarrej jista’ jkompli jara l-filmat taċ-ċelebrazzjoni fuq YouTube.

Dan il-ktieb jinbiegħ għall-prezz ta’ €15 u jista’ jinxtara mill-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana u huwa sponsorjat mill-APS Bank.