“17% tal-popolazzjoni qed jilagħbuha mal-faqar” – L-Alleanza Kontra l-Faqar

Read in English.

L-Alleanza Kontra l-Faqar qalet li jeħtieġ li jsir tibdil fil-mod kif tiġi kkalkulata ż-żieda fl-għoli tal-ħajja, peress li kif qed tiġi kkalkulata bħalissa, qed tħalli barra lil parti mis-soċjetà li qed tilgħabha mal-faqar.

L-Alleanza leħħnet ħsibijietha fuq ir-rapport dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għajxien (SILC) maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Qalet li dan wera li f’Malta hawn kważi 80,000 persuna, jiġifieri 17% tal-popolazzjoni, li jaqilgħu inqas minn €9,000 fis-sena. Qalet li dan ifisser li 17% qed jilagħbuha mal-faqar u jgħoddu sal-inqas ewro biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar.

Aqra: 30% tal-familji ma jaffordjawx btala ta’ ġimgħa darba f’sena

Hija pproponiet li fil-mod kif tiġi kalkulata ż-żieda, jintgħarfu gruppi soċjali differenti u jkun hemm kalkolu speċifiku għal kull grupp. Skont l-Alleanza, kif inhi s-sistema bħalissa hi inġusta ma’ min jaqla’ dħul baxx, peress li mhux jinqabad l-għoli tal-ħajja għal min hu fqir. 

Fost it-80,000 li ma jlaħħqux mal-ispejjeż, hemm pensjonanti, persuni li jrabbu t-tfal waħedhom, u familji kbar. L-Alleanza qalet ukoll li 6.4% tan-nies f’riskju ta’ faqar huma nies li qed jaħdmu u xorta waħda mhux jgħixu ħajja dinjituża. 

Fir-reazzjoni tagħha, l-Alleanza temmet tgħid li kif wera r-rapport SILC, “il-paga minima f’Malta flok ma hi garanzija li wieħed ikollu biżżejjed biex jgħix ħajja diċenti, hija garanzija ta’ ħajja mhux dinjituża.”