Aġġornata: L-FBI kienet ilha mwissija dwar iż-żagħżugħ li qatel 17 fi skola fi Florida

L-FBI kkonfermat li ġiet imwissija dwar iż-żagħżugħ ta' 19-il sena li lbieraħ allegatament qatel 17-il persuna meta spara fi skola li attenda fil-passat fi Florida. 

Skont il-midja internazzjonali, is-suspettat, Nikolas Cruz,kien tkeċċa mill-istess skola għal raġunijiet dixxiplinarji.Is-sena li għaddiet, l-aggressur ħalla kumment taħt filmat fuq You Tube, jgħid li se jkun qattiel professjonali fl-iskejjel. Dan il-messaġġ kien intbagħat lill-awtoritajiet. Iżda l-FBI qalet li investigat il-kumment, mingħajr ma rnexxielha tasal biex tidentifika lill-persuna li kitbitu. 
Anke l-għalliema kienu mwissija dwar Cruz, u ma kienx jitħalla fuq il-kampus b'basket wara dahru. 
Waqt l-inċident, l-istudenti kellhom jinħbew filwaqt li diversi uffiċjali tal-Pulizija waslu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Skont il-Pulizija, is-suspettat qatel tliet persuni barra l-iskola. Huwa imbagħad daħal u qatel 12 oħra.
Żewġ persuni oħra mietu wara li ttieħdu l-isptar. Tliet persuni jinsabu f’qagħda kritika.
Is-suspettat ukoll ittieħed l-isptar għall-kura però, ġie rilaxxat u qed jinżamm mill-Pulizija.
Is-Senatur Marco Rubio qal fuq Twitter li kien ċar li l-attakk kien iddisinjat u mwettaq b’tali mod li jikkaġuna l-aktar ammont ta’ ħsara possibbli.
Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li qatt m’għandu jkun il-każ li student jew għalliem ikollu jħossu fil-periklu fl-iskejjel fl-Amerka.