17-il xahar wara: il-politiċi għadhom bla standards

Arkivji

Minkejja li l-ligi li tirregola l-istandards fil-ħajja pubblika kienet approvata sbatax-il xahar ilu, l-avviż legali meħtieg biex din il-liġi tidħol fis-seħħ għadu ma kienx ippubblikat u lanqas ma nħatar il-Kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika.

Dawn l-istandards japplikaw għall-Membri Parlamentari kollha, inkluż il-membri tal-Kabinett. Tapplika wkoll għal dawk il-persuni maħtura f’pożizzjoni ta’ fiduċja.

Sa issa għadu mhux magħruf min se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, rwol li jrid ikun hemm qbil dwaru b’żewġ terzi fil-Parlament. Din il-kariga tibqa’ valida għal ħames snin u l-persuna ma tkunx eleġibbli li terġa’ tinħarat għal terminu ieħor.

B’din il-liġi se jinħoloq ukoll Kumitat Parlamentari biex jevalwa l-każijiet ta’ ksur ta’ Kodiċi ta’ Etika u fejn jinstab li kien hemm ksur, ikunu l-Membri Parlamentari nfushom li jiddeċiedu xi tkun is-sanzjoni.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li se jqajjem is-suġġett tal-ħatra tal-Kummissjoni għall-istandards fil-Grupp Parlamentari Laburista li se jitlaqqa’ ftit jiem oħra.

Newsbook.com.mt bagħat l-istess mistoqsjiet lill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, kif ukoll lill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni għadhom ma ġewx imwieġba.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Partit Demokratiku reġa’ sejjaħ għall-ħatra tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

F’laqgħa li kellu mal-Ispeaker, iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo spjega li ż-żewġ naħat tal-Kamra qed ikaxrku saqajhom biex jintroduċu l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Skont dan l-Att “persuna ta’ fiduċja” tfisser impjegat jew persuna ingaġġata fis-segretarjat privat ta’ Ministru jew ta’ Segretarju Parlamentari li tkun tagħti pariri jew tkun taġixxi ta’ konsulent tal-Ministru jew tas-Segretarju Parlamentari jew tkun taġixxi fi rwol eżekuttiv fil-Ministeru jew fis-Segretarjat Parlamentari u fejn il-persuna ma tkunx giet ingaġġata skont il-proċedura stabbilita fis-settur pubbliku.

Kif ġraw l-affarijiet:

  • 30 ta’ Settembru 2013 – L-Oppożizzjoni Nazzjonalista mmexxija mill-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil tippreżenta l-abbozz lill-Ispeaker
  • 20 ta’ Mejju 2014 – Ippreżentat l-ewwel qari tal-Abbozz.
  • 20 ta’ Lulju 2016 – Wara li damet aktar minn sentejn pendenti fuq l-aġenda, il-Parlament jibda jiddiskuti l-Abbozz.
  • 13 ta’ Frar 2017 – L-Abbozz diskuss waqt il-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet.
  • 22 ta’ Marzu 2017 – il-Parlament japprova din il-liġi.
  • 30 ta’ Marzu 2017 – il-President Marie-Louise Coleiro Preca tiffirma l-Att.

Il-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar wieġeb aktar tard matul il-ġurnata.