17-il turist tilfu ħajjithom f’inċident f’Missouri fl-Istati Uniti

17-il turist tilfu ħajjithom f’inċident meta nqaleb anfibju waqt maltempata fl-Istat ta’ Missouri, fl-Istati Uniti.

Għadd ta’ bugħaddasa tellgħu l-iġsma minn 80 pied taħt l-ilma li għerqu l-Ħamis. L-inċident seħħ f’għadira f’Table Rock qrib Branson waqt maltempata li ħolqot mewġ għoli wisq għall-anfibju f’wieħed mill-aktar inċidenti fatali li jinkludi turisti fl-istorja tal-Istati Uniti.

L-anfibju kellu stil tat-Tieni Gwerra Dinjija u fuqu kellu 31 passiġġier inkluż xi tfal. Vidjow li ħareġ aktar tard juri l-anfidju jissielet mal-mewġ.

Dan it-tip ta’ anfibju diġà kien involut f’inċidenti fatali fil-passat u fl-aħħar għoxrin sena tilfu ħajjithom 36 ruħ billi għerqu u f’inċidenti fuq l-art.