17-il stat membru tal-UE kontra t-tnaqqis tal-fondi ta’ koeżjoni

DOI - Clodagh O'Neill

Read in English.

17-il stat membru tal-Unjoni Ewropea jinsabu front wieħed kontra t-tnaqqis tal-fondi ta’ koeżjoni. Id-deċiżjoni li ttieħdet waqt is-summit “Friends of Cohesion” f’Beja fil-Portugall tħabbret fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn il-pajjiżi għandhom l-għan li tkun preżervata l-politika ta’ koeżjoni fil-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.

“Qegħdin 17-il stat membru li qed naqblu fuq il-punt ta’ prinċipju li dawn il-fondi ma jonqsux. Filwaqt li għandek il-Presidenza u l-Kummissjoni Ewropea li jridu li jkun hemm tnaqqis fil-fondi allokati għall-koeżjoni, primarjament minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, dawn is-17-il pajjiż mhux jaqblu,” qal Dr Abela.

Dawn il-fondi huma importanti hekk kif jinċentivaw l-investiment, isostnu t-tkabbir ekonomiku u jkomplu jqarrbu l-livell ta’ għixien fis-27 stat membru lejn xulxin. Qal li barra minn hekk, dawn il-fondi huma eżempji tanġibbli tal-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea għax jissarfu fi proġetti li jgawdu minnhom iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.

Waqt dan is-summit, il-pajjiżi qablu li se jibqgħu magħqudin fuq din il-pożizzjoni komuni li se tittieħed deċiżjoni dwarha fl-20 ta’ Frar stess, meta jitlaqqa’ l-Kunsill Ewropew fi Brussell.

Waqt iż-żjara tiegħu fil-Portugall, Abela kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi. Abela ntlaqa’ wkoll mill-Prim Ministru Portugiż António Costa mal-wasla tiegħu għas-summit.