“17-il skola ma għadhomx addattati għall-edukazzjoni tal-lum” – Il-Ministeru

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li 17-il skola primarja f’Malta għandhom iżjed minn 100 sena bħala bini u għalhekk ma għadhomx addattati għall-edukazzjoni tas-seklu 21.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li fost dawn l-iskejjel hemm dik primarja tal-Imsida li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jibda xogħol infrastrutturali fuqha.
L-iskola se tkun fl-istess sit fejn hemm l-iskola attwali li tagħmel parti mill-Kulleġġ ta’ Santa Tereża.
Il-kumpless il-ġdid se jkun jinkludi iżjed klassijiet, faċilitajiet edukattivi li kollha se jkunu attrezzati bl-arja kkundizzjonata, faċilitajiet sportivi, sala kbira għall-attivitajiet, ċentru ġdid għall-ħarsien tat-tfal u parkeġġ ġdid taħt l-art.
Sakemm qed isiru x-xogħlijiet, għal dawn is-sentejn li ġejjin, l-iskola se tkun qed topera minn faċilitajiet edukattivi f’Santa Venera biswit l-iskejjel  primarji u sekondarji ta’ Santa Venera.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjni qal li se jkun qed jipprovdi trasport b’superviżjoni għal kull student, inkluż dawk tal-kindergarden.
Il-parti tal-iskola li se tilqa’ lil dik tal-Imsida ser iżżomm l-istess amministrazzjoni, gradi ta’ għalliema, klerikali u anċillari, kif ukoll l-istess ħinijiet li kellha fl-Imsida. 
Il-Ministeru qal ukoll li fiż-żmien li ġej se jkun qed jippreżenta pjan għal iktar xogħlijiet maġġuri fi skejjel primarji madwar Malta u Għawdex.
Bħalissa għaddej xogħol fuq numru ta’ skejjel primarji ġodda, fosthom f’Wied il-Għajn u l-Qawra.
Apparti minn hekk dalwaqt lesti l-preparamenti għall-iskola primarja fir-Rabat, Għawdex u beda x-xogħol fuq l-estensjoni tal-iskola primarja ta’ Pembroke.
Skejjel oħra, li se jsir fihom xogħol ta' estensjoni  biex jilqgħu iżjed tfal u jiżdiedu l-faċilitajiet edukattivi, huma dawk ta’ Ħal Ghaxaq, Ħal Lija, Ħ’Attard, Rabat (Malta), u l-Mellieħa.
F’Settembru li ġej se tibda topera wkoll il-Visual and Performing Arts School fil-Ħamrun.