17-il persuna weħlu l-ħabs minħabba stupru fl-aħħar 3 snin

Read in English.

17-il persuna weħlu l-ħabs wara li nstabu ħatja ta’ stupru fl-aħħar tliet snin. Dan qalu l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari.

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Mario Galea talab lill-Ministru jindika kemm kien hemm persuni li weħlu l-ħabs minħabba stupru f’dawn l-aħħar tliet snin u x’kienet is-sentenza li ngħatatilhom.

Il-Ministru Camilleri qal li 17-il persuna weħlu l-ħabs fl-aħħar tliet snin sat-28 ta’ April. Ħames persuni weħlu sentenza ta’ tliet snin sa inqas minn ħames snin, seba’ persuni weħlu sentenza ta’ ħames snin sa inqas minn 10 snin, persuna waħda weħlet minn 10 snin sa inqas minn 20 sena u żewġ persuni weħlu 20 sena jew aktar.

Intant kien hemm persuna li ħarġitilha Ordni ta’ Protezzjoni u persuna oħra miżmuma fl-Isptar Monte Carmeli.