17-il persuna rikonoxxuti mill-President għall-għoti tad-demm regolari

17-il donatur ingħataw rikonoxximent mill-President ta’ Malta George Vella fil-Jum Dinji tad-Donaturi tad-demm talli ddistingwew ruħhom bid-donazzjonijiet tad-demm matul is-snin.

Din is-sena ġew onorati għaxar nisa u sebat irġiel. Dawn huma Joanna Abela, Rita Azzopardi, Martin Bugelli, Susanne Bonnici, Jimmy Sammut, Josette Farrugia, Lawrence Gialanze, Margaret Galea, Anthony Deguara, Doris Grima, Paul Deguara, Maria Portelli, Alfred Calleja, Mary Sant, Stephen Vella, Joanna Pecorella, u Anna Zammit.

Matul id-diskors tiegħu l-President qal li s’issa kull min jagħti d-demm għamilha b’għan altruwist, ġest nobbli u ammirevoli. Semma kif meta hu kien pazjent seta’ japprezza lid-donatur li bis-saħħa tiegħu seta’ jieħu l-kura, kif ukoll il-ħaddiema, tobba u infermiera li jaraw li d-demm meħtieġ ikun ta’ kwalita.

Il-president irringirazzja lil dawk kollha li jaħdmu fis-servizz nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm kif ukoll il-Banek tad-Demm tal-Isptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Huwa esprima sodisfazzjon lejn il-qalb kbira tal-poplu Malti u qal li dejjem kienu ġenerużi biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ skarsezza.

Matul din iċ-ċerimonja tkellmu wkoll Kenneth Frendo missier Jerome iż-żagħżugħ li f’Ottubru tal-2017 miet wara li tilef il-battalja kontra l-marda tal-kanċer. Tkellmet ukoll Christine Grixti kif ukoll Simon Schembri l-pulizija li ttajjar miż-żagħżugħ f’Mejju tal-2018.

It-tema magħżula għal din is-sena hija ’Demm sigur għal kulħadd‘. L-għan wara din il-kampanja huwa li n-nies jitħajru jsiru donaturi regolari tad-demm u għalhekk jintlaħaq il-bżonn tal-pazjenti li jkollhom bżonn it-trasfużjoni tad-demm. Din iċ-ċerimonja saret fil-Palazz Verdala u kienet organizzata mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta.