17-il Kunsill Lokali japplikaw għal speed cameras fil-lokalità

17-il Kunsill Lokali għamlu l-applikazzjonijiet tagħhom sabiex jiġu introdotti speed cameras fil-lokalitajiet tagħhom.

Il-Kunsilli Lokali tal-Birgu u Birżebbuġa talbu li jiġu installati tliet cameras f’kull lokalità. Il-Kunsilli ta’ Ħal Qormi, Ħaż-Żabbar, Iż-Żejtun, Ħ’Attard, Ħal Għaxaq, L-Iklin, Wied il-Għajn, Il-Mellieħa, In-Naxxar, Raħal Ġdid, Il-Qala, Ir-Rabat Malta u L-Imtarfa għamlu applikazzjoni għal speed camera waħda. Il-Kunsill Lokali tal-Imqabba għamel talba għal żewġ speed cameras filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem ma ddeterminax l-ammont ta’ cameras li jixtieq fi Triq l-Imġarr.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera ppreżenta din l-informazzjoni fit-tweġiba tiegħu fil-Parlament għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Sivio Grixti.

Fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari preċedenti l-Ministru Josè Herrera kien qal li l-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn huwa kontra li tiġi installata speed camera f’żona residenzjali.