17-il Jum ta’ aktar għarfien dwar Parental Alienation Family Violence

Qala

Happy Parenting – Malta (for Happier Children) qed torganizza 17-il Jum ta’ aktar għarfien dwar Parental Alienation. Mis-Sibt 5 ta’ Diċembru bdiet iżżur lokalitajiet fejn fost oħrajn tiltaqa’ ma’ Kunsilli Lokali. Qed tfittex li tintensifika l-ħidma tagħha biex in-nies, inklużi l-professjonisti, isiru aktar konxji tar-realtà ta’ Parental Alienation u l-ħsara li tħalli fuq il-familja kollha.

Parental Alienation hu meta ġenitur jgħawwi lit-tfal kontra l-ġenitur l-ieħor bil-għan malizzuż li jbiegħed lit-tfal minn dak il-ġenitur. Isir ħafna gideb u tidwir tal-fatti. Il-ġenitur vittma jgħaddi minn sitwazzjoni tqila u ħafna drabi jiġi mċaħħad milli jara lil uliedu. Kultant, f’xenarju kemm kemm aħjar jista’ jkun li jitħalla jarahom għal ftit ħin.  Hu ta’ dispjaċir li l-ġenitur vittma jinduna li wliedu, li tant iħobb, qed jarawh bħala bniedem ħażin meta ma jkunx il-każ. Sitwazzjoni fejn it-tfal stess tista’ ssirilhom ħsara. Każ ta’ tip ta’ ħsara partikolari hi dik imsejħa split child fejn dawn it-tfal jgħaddu minn kriżi emozzjonali u psikoloġika li twassalhom jibdew jobgħodu ċerti aspetti fihom infushom.

Il-vittma ġieli jitwassal li jkollu diffikultajiet finanzjarji u emozzjonali. Spiss jiġri li l-ġenitur agressur innifsu jbati minn problemi ta’ saħħa mentali. Allura jkollok il-familja kollha teħtieġ l-għajnuna.

Irridu nagħmlu distinzjoni minn estrangement meta ġenitur ikun naqas mir-responsabbiltà tiegħu ta’ ġenitur jew ikun saħansitra għamel xi forma ta’ abbuż, jew żbalji oħra, li tkun ir-raġuni għaliex it-tfal jitbegħedu minn dak il-ġenitur.

Savio Athletics Club – Dingli

Rappreżentanti minn din l-għaqda voluntarja s’issa żaru l-Imsida, il-Gżira, Sannat, Dingli, u Qala. L-għan tagħhom hu li jwasslu messaġġ qawwi li Parental Alienation hi vjolenza fil-familja, u li t-tfal għandhom bżonn is-sehem attiv taż-żewġ ġenituri. Siġra tal-Milied sewda qed tissimbolizza d-dieqa li jkollhom familji milquta. Għalihom il-Milied mhux se jkun xi ħaġa ferrieħa u mdawla , iżda niket u swied ta’ qalb.

Sannat

Kull ġimgħa, missirijiet u ommijiet vittmi, li għaddejjin minn Parental Alienation jattendu support group fil-preżenza ta’ avukati u professjonisti fil-ħarsien soċjali. Kull ġimgħa jkollna każijiet ġodda. L-aktar milquta bħala vittma huma l-missirijiet – 70%. F’ħafna ċirkostanzi jiġu affettwati nanniet u qraba oħra. Nies iċemplulna kuljum.

Gżira

Happy Parenting – Malta (for Happier Children) diġà ltqagħet mal-awtoritajiet biex twassal punti għal diskussjoni dwar tibdil fil-liġi u fil-proċedura tal-Qorti tal-Familja. Ġew ippreżentati wkoll proposti biex  isir taħriġ lill-membri tal-ġudikatura dwar dan il-kunċett li għadu ġdid fl-ambjent Malti. L-istess għal professjonisti oħra konċernati biex eventwalment f’Malta tibda tingħata terapija, bħal re-unfication programme u Activity-based programme li barra minn Malta qed isiru b’suċċess.

Msida

Għal aktar tagħrif dwar Happy Parenting – Malta (for Happier Children), ċemplu 77603330.