17-il assoċjazzjoni ma jaqblux mad-deċiżjoni li jitneħħa Kenneth Grech

Dr Kenneth Grech

Il-Federazzjoni Maltija għall-Assoċjazzjonijiet Professjonali (MFPA) li tirrappreżenta 17-il assoċjazzjoni professjonali saħqet għal diversi drabi li l-professjonisti huma marbuta b’valuri ta’ intergrità u mġiba etika. Fi stqarrija, l-MFPA saħqet li dawn il-valuri huma parti mill-kodiċi tal-etika tal-professjoni tal-individwu u jagħmlu parti integrali mir-responsabbilità li ġġib magħha l-warrant sabiex tissalvagwardja s-soċjetà sħiħa.

Għal din ir-raġuni, l-MFPA tikkundanna “d-deċiżjoni arbitrarja li twaqqaf professjonist mix-xogħol li kien qiegħed jagħmel għaliex provda l-parir professjonali tiegħu skont l-obbligazzjoni etika”. L-assoċjazzjoni tgħid li tinsab imħassba li x-xogħol li ngħata minflok dak li kellu, huwa ta’ inqas importanza għas-soċjetà Maltija f’dan il-perjodu ta’ pandemija. Għalhekk, l-MFPA esprimiet is-solidarjetà tagħha mal-Konsulent Dr Kenneth Grech.

Din il-federazzjoni tisħaq lill-awtoritajiet sabiex jisimgħu mill-pariri tal-esperti professjonali skont il-qasam ikkonċernat filwaqt li ssostni li meta ma tteħdux deċiżjonijiet skont il-pariri tal-esperti professjonali, l-affarjiet ma marrux daqstant tajjeb.

L-MFPA fissret li hi tipprova teduka l-pubbliku ġenerali dwar id-dmirijiet u r-responsabbilitajiet filwaqt li tinkoraġġixxi lill-professjonisti sabiex iżommu mal-istandards professjonali u mal-obbligazzjonijiet tagħhom għall-ġid tas-soċjetà.

L-MFPA ttenni li s-Saħħa Pubblika tingħata l-importanza li jistħoqqilha fuq l-aġenda tal-gvern u li l-professjonisti li huma ta’ importanza kbira għall-pajjiż speċjalment f’dan il-perjodu tal-pandemija Covid-19, jitħallew iwettqu dmirijiethom kif rakkomandat mill-ispeċjalizzazzjoni tagħhom.

Din id-dikjarazzjoni hija approvata mill-organizzazzjonijiet tal-MFPA li ġejjin:

  • Assoċjazzjoni Maltija tal-Podoloġisti
  • Assoċjazzjoni tal-Patoloġisti (Speech Therapy)
  • Kamra tal-Inġiniera
  • Assoċjazzjoni Maltija tad-Dentistrija
  • Assoċjazzjoni Maltija għall-Professjoni tal-Counselling
  • Assoċjazzjoni Medika Maltija
  • Assoċjazzjoni Maltija tal-Occupational Therapists
  • Assoċjazzjoni Maltija tal-Konservaturi-Restawraturi Professjonali
  • Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali
  • Assoċjazzjoni Maltija ta’ Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ
  • Kamra tal-Ispiżjara
  • Kamra tal-Psikoloġisti
  • Assoċjazzjoni Maltija tal-Veterinarji
  • Soċjetà tar-Radjoloġisti Mediċi

”Konfużjoni soċjali” – Prof. Andrew Azzopardi

Min-naħa tiegħu, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Prof. Andrew Azzopardi qal li jekk hija vera l-aħbar li Kenneth Grech tneħħa mill-Gvern mix-xogħol li kellu biex ingħata xi ħaġa oħra, din qed toħloq konfużjoni soċjali li ma tistax tiġi injorata.

Fisser li ċittadini esprimew id-diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw fil-komunitajiet wara li reġgħu bdew telgħin in-numri ta’ każijiet tal-Covid-19 fosthom ansjetà, għeja u biża’.

Id-Dekan appella lill-awtoritajiet biex ma jissottovalutawx il-ġid tal-għarfien espert ta’ Dr Kenneth Grech.

Temm jgħid li jekk wieħed jinjora l-pariri tal-esperti, speċjalment dawk mediċi, mhuwiex biss perikoluż iżda wkoll kapaċi jdgħajjef l-isforzi li saru biex tiġi provduta informazzjoni li mhijiex preġudikata u li hija bbażata fuq evidenza, lill-pubbliku u lis-setturi kollha.