17 Black: MEP Olandiża ssejjaħ għal investigazzjoni sħiħa

L-Ewroparlamentari Olandiża Sophia in ‘t Veld li hi wkoll iċ-Ċer fuq Grupp ta’ Moniteraġġ għall-Ħarsien tal-Liġi fi ħdan il-Parlament Ewropew talbet għall-investigazzjoni sħiħa fid-dawl tal-aħħar dettalji li ħarġu fuq il-kumpanija ibbażata f’Dubaj 17 Black.

in ‘t Veld saħqet dwar il-bżonn li jiġu stabbiliti r-rabtiet possibbli u l-allegat pagamenti bejn 17 Black u żewġ kumpaniji fil-Panama Hearnville u Tillgate, tal- Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri rispettivament. Hi sostniet li dak li kien żvelat dal-aħħar huwa pjuttost inkwetanti u għandu jwassal għall-investigazzjoni immedjata mill-awtoritajiet Maltin.

Fi stqarrija in ‘t Veld qalet li minħabba li jaf tkun relevanti għall-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huma se jkunu qed jistennew li l-Europol se tkun qed tiġi involuta f’dawn l-investigazzjonijiet. Għal dan l-għan, Veld qalet li diġà kitbu lil Europol biex jassistu.

in ‘t Veld kienet Malta bħala parti mid-delegazzjoni mill-Parlament Ewropew li ġiet tinvestiga l-progress fl-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia kif ukoll il-liġi f’Malta. Ir-rapport se jiġi preżentat fl-20 ta’ Novembru.

Il-Ħodor fil-Parlament Ewropew jiktbu lill-Kummissjoni

L-eks ċermen tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, qal li l-ko-president tal-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew Ska Keller kitbet lill-Kummissjoni Ewropea biex issaqsihom dwar jekk kienu jafu dwar l-allegat tixħim lil Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri u l-possibbli involviment  tal-kumpaniji Electrogas u Siemens.

Keller saqsiet ukoll x’tip ta’ miżuri se tkun qed tieħu l-Kummissjoni fid-dawl tal-aħħar revelazzjonijiet dwar 17 Black. Skont Cassola t-tweġiba għandha tasal fil-ġimgħat li ġejjin.