17 Black: Malta b’talba “kompluta” għal informazzjoni minn Dubaj – Casa

"Tard imma qrobna biex issir ġustizzja"

Read in English.

Malta bagħtet talba formali għall-informazzjoni mingħand l-Emirati Għarab Magħquda fuq 17 Black, il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech li hi bbażata f’Dubaj. Dan tħabbar mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa fuq Twitter, li qal li t-talba waslet fl-24 t’Awwissu.

Fi stqarrija li ħareġ, Casa qal li huwa tal-mistħija li t-talba damet daqshekk biex intbagħtet, imma ddeskriva dan bħala pass eqreb lejn li ssir ġustizzja fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, billi jitressqu quddiem il-Qorti dawk involuti fil-korruzzjoni li kienet il-kaġun għaliex inqatlet il-ġurnalista.

Huwa sostna li l-awtoritajiet Maltin misshom żguraw li jibagħtu talba għall-informazzjoni korretta wara li kien ġie żvelat li Yorgen Fenech huwa sid il-kumpanija 17 Black f’Novembru tal-2018. Minflok, intbagħtu talbiet mhux kompluti u l-awtoritajiet qalu li n-nuqqas ta’ progress kien minħabba nuqqas ta’ koperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda.

17 Black u kumpanija oħra, Macbridge, kienu mniżżlin bħala l-klijenti mira tal-kumpaniji ta’ Panama tal-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

F’Novembru tal-2018, investigazzjoni konġunta bejn Reuters u t-Times of Malta kienet żvelat li sid il-kumpanija 17 Black kien id-Direttur tal-Electrogas Yorgen Fenech. Sena wara, Fenech ġie arrestat u għadu fuq arrest preventiv sal-lum. Huwa qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista.

David Casa xehed fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Fix-xhieda tiegħu, huwa informa lill-Bord tal-Inkjesta li fl-aħħar xhur kien qed jirċievi informazzjoni minn Dubaj li tmur kontra dak li qalu l-uffiċjali Maltin, li l-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda ma kinux qed jikkoperaw fuq l-investigazzjoni dwar 17 Black.

Casa issa qal li t-talba kompleta li ġiet sottomessa tqajjem mistoqsijiet serji fuq il-verità wara l-evidenza li ngħatat minn membri tal-Korp tal-Pulizija fix-xhieda tagħhom. Stqarr li ċ-ċirkostanzi li ppermettew li talba sħiħa tiddewwem daqshekk għandhom jiġu investigati.

Huwa ħeġġeġ lill-awtoritajiet f’Dubaj biex jittrasferixxu l-informazzjoni mitluba malajr kemm jista’ jkun, ħalli ma ddumx aktar ma ssir il-ġustizzja.

Wara li qal li mhux minnu li Malta ma sabitx koperazzjoni
17 Black: Casa jintalab jixhed dwar il-koperazzjoni tal-Emirati Għarab Magħquda