17 Black: Ma jistax ikun hemm prosekuzzjoni mingħajr provi mill-UAE – Casa

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li ma tista’ qatt issir prosekuzzjoni tal-kriminali li nkixfu mill-iskandlu tal-kumpanija 17 Black jekk l-awtoritajiet Maltin ma jitolbux għall-provi mill-Emirati Għarab Magħquda (UAE).

Fi stqarrija, Casa ta r-reazzjoni tiegħu għal dak li qal l-Avukat Ġenerali ta’ Malta Peter Grech f’sessjoni tal-Kunsill tal-Ewropa b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u r-rispett lejn il-liġi f’Malta. Ir-rapporteur speċjali Pieter Omtzigt staqsa lil Dr Grech jekk intalbitx l-għajnuna mill-UAE fl-investigazzjoni b’rabta ma’ Caruana Galizia. Grech qal li ma kienx ikun xieraq li jwieġeb dik il-mistoqsija fid-dawl tal-investigazzjonijiet li qed isiru.

Assassinju Daphne: Rapport fil-Kunsill tal-Ewropa biex toħroġ “il-verità”

Casa qal li l-iskandlu 17 Black għandu implikazzjonijiet ukoll fuq l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Fakkar li meta nqatlet, Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq l-akbar leak ta’ informazzjoni li kienet irċeviet – id-dokumenti tal-Electrogas. Is-sid ta’ 17 Black hu d-direttur u x-shareholder tal-Electrogas.

David Casa qal li ltaqa’ ma’ uffiċjali għolja fil-UAE dwar ir-rivelazzjonijiet ta’ 17 Black. Riċentement, riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew sejħet lill-awtoritajiet Maltin biex jassiguraw li l-provi dwar 17 Black ikunu assigurati u biex jitolbu għall-koperazzjoni mal-UAE.

17 Black: Il-Kumitat tal-PE jsejjaħ għall-azzjoni

Fi kliem Casa, l-iskandlu ta’ 17 Black jinvolvi persuni fl-ogħla livelli tal-poter. “F’kull każ li hemm involuti Konrad Mizzi u Keith Schembri, l-istituzzjonijiet jew ġew ipparalizzati jew inkella ħadmu biex jassiguraw li ma ssirx il-ġustizzja. U jidher li dan qed jerġa’ jseħħ,” saħaq Casa.

17 Black: “Il-Latvja tgiddeb lil Malta” – Reuters