17 Black: L-UAE taw dokumenti lil Malta xahar ilu; “Trid tittieħed azzjoni” – Casa

Facebook / David Casa

L-MEP David Casa ħabbar li l-Emirati Għarab Magħquda ilhom li għaddew dokumenti lill-awtoritajiet Maltin b’rabta ma’ 17 Black mit-22 ta’ Novembru, iżda l-awtoritajiet baqgħu fommhom sieket.

Il-Membru Parlamentari Ewropew qal li ma fadalx skużi biex tittieħed azzjoni kontra dawk konnessi mal-korruzzjoni.

Stqarrija tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), li Casa huwa parti minnu, tgħid li l-awtoritajiet Maltin issa għandhom jagħmlu progress fl-investigazzjoni tagħhom fuq 17 Black, billi l-għoti ta’ informazzjoni mill-Emirati Għarab Magħquda jitqies żvilupp kruċjali f’dan il-każ.

Casa saħaq li minkejja li sentejn ilu, il-ġurnalisti żvelaw li sid 17 Black hu Yorgen Fenech, li dak iż-żmien kien parti mill-konsorzju tal-Electrogas, xorta ma sarx progress peress li l-awtoritajiet Maltin insistew li l-awtoritajiet f’Dubaj ma kinux qed jikkoperaw. Casa għamel li seta’ biex l-Emirati Għarab Magħquda jikkoperaw u jgħaddu d-dokumenti meħtieġa lill-awtoritajiet Maltin, u jidher li dan seħħ fit-22 ta’ Novembru li għadda, iżda passi għadhom ma ttiħdux.

Huwa argumenta li issa m’hemmx skużi. Qal li jistenna li dawk involuti fil-korruzzjoni u fil-ħasil tal-flus marbut ma’ 17 Black jitressqu quddiem il-ġustizzja mingħajr iżjed dewmien.

Email żvelat mill-ġurnalisti kien wera li l-kumpaniji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Panama kellhom jirċievu €5,000 kull waħda ta’ kuljum mingħand 17 Black.

Yorgen Fenech issa huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u ilu jinżamm taħt arrest preventiv għal din l-aħħar sena.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, tul il-leġiżlatura tiegħu, dejjem qal li ma kienx jaf ta’ min hi 17 Black, mentri din il-ġimgħa, hu u jixhed fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju, Keith Schembri qal li huwa kien informa lil Muscat min kien sid 17 Black. Qal li qatt m’għamel xejn minn wara dahar il-Prim Ministru.

David Casa sostna li l-impunità għall-korruzzjoni b’rabta ma’ 17 Black kellha konsegwenzi severi fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta, li spiċċaw affettwaw is-settur finanzjarju u l-għajxien tan-nies. Saħaq li trid tittieħed azzjoni mill-Pulizija.