17 Black: kobba mħabbla u inkjesta li qed jistenna l-PM

Wieħed u għoxrin xahar wara li Daphne Caruana Galizia kixfet l-eżistenza tal-kumpanija misterjuża 17 Black u sitt xhur wara li l-Qorti laqgħet it-talba ta’ Dr Simon Busuttil, MP tal-PN biex Keith Schembri, Chief of Staff f’Kastilja u l-Ministru Konrad Mizzi jkunu investigati dwar 17 Black, l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jkun qed jistenna li jitlestew l-inkjesti qabel ma jiddeċiedi x’azzjoni jieħu. L-ewwel inkjesta dwar Schembri u Mizzi infetħet f’Lulju 2017 biex jiġu investigati mill-Qorti dwar akkużi ta’ ħasil ta’ flus.

Nhar il-Ġimgħa t-Times of Malta u Reuters kixfu li s-sid ta’ 17 Black huwa Yorgen Fenech, li jmexxi t-Tumas Group u li huwa direttur fil-kumpanija Electrogas, sid tal-power station f’Delimara, li l-promotur tagħha kien il-Ministru Mizzi.

F’April li għadda The Daphne Project kienu kixfu illi skont emejl ta’ Nexia BT il-kumpanija 17 Black kienet se tgħaddi flus lill-kumpaniji li Schembri u Mizzi kellhom fil-Panama. Nexia BT kienet fetħet kumpaniji fil-Panama għal Mizzi u Schembri li ċaħdu li irċevew xi flus.

Frar 2017: Daphne tikxef l-eżistenza ta’ 17 Black

Il-kumpanija 17 Black kienet issemmiet mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia lura fi Frar tal-2017. Qalet li din kienet kumpanija li infetħet f’Dubaj. Fl-istess xahar, Caruana Galizia qalet li “ħallelin” qed jużaw lil 17 Black biex idaħħlu u joħorġu flus minn Dubaj.

Newsbook.com.mt kien staqsa lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar 17 Black imma wieġeb li ma kellux idea x’inhi.

F’kumment ftit misterjuż Daphne Caruana Galizia kienet semmiet lil Yurgen Fenech b’risposta għall-kummenti li għamlu xi qarrejja fuq l-istorja tagħha dwar 17 Black.

Lulju 2017: Tinfetaħ l-ewwel inkjesta dwar Schembri u Mizzi

Wara talba minn Dr Simon Busuttil f’Lulju tal-2017, il-Maġistrat Ian Farrugia kien qal li hemm bażi soda biżżejjed biex tinfetaħ inkjesta dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ Schembri u Mizzi wara l-iskandlu tal-Panama Papers.

April 2018: Il-miljuni f’17 Black fejn kienu sejrin?

F’April tal-2018, permezz ta’ the Daphne Project, li fih hemm it-Times of Malta, ġie żvelat li madwar €1.3 ($1.6) ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black. Il-flus ġew mingħand negozjant mill-Ażerbajġan u mill-aġent Malti tal-LNG tanker li jforni lill-power station ta’ l-Electrogas.

Skont emejl ta’ Nexia BT il-kumpanija 17 Black kienet se tgħaddi flus lill-kumpaniji li Schembri u Mizzi kellhom fil-Panama. Nexia BT li fetħet il-kumpaniji fil-Panama għal Mizzi u Schembri u li għamlet xogħol ta’ konsulenza għall-uffiċċju tal-Prim Ministru kienet qalet li l-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri kienu se jirċievu żewġ miljun dollaru f’sena. Mizzi u Schembri ċaħdu li irċevew xi flus.

Mejju 2018: Tinfetaħ inkjesta oħra dwar Schembri u Mizzi

Xahar wara, il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li l-allegazzjoni li $1.6 milljun ġew trasferiti lil “target client” ta’ kumpaniji fil-Panama ta’ Schembri u Mizzi għandha tiġi investigata.Madanakollu qal li ma kienx jagħmel sens li tinfetaħ inkjesta oħra. Ordna biex din l-informazzjoni tiġi investigata mill-Maġistrat Ian Farrugia.

Farrugia qed imexxi inkjesta dwar allegazzjonijiet b’rabta ma’ ħasil tal-flus. Dan sar wara talba ta’ Simon Busuttil u mill-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa. Casa kien qal li l-isforz li qed jagħmel Joseph Muscat biex jgħatti għall-għemil ta’ Schembri u Mizzi, jpenġih bħala kompliċi. F’Lulju tal-2018, Konrad Mizzi qal li l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant turi li hu u Schembri kienu innoċenti.

Novembru 2018: Jinkixef  li Fenech huwa s-sid 17 Black

Investigazzjoni mir-Reuters u t-Times of Malta kixfet li sid il-kumpanija 17 Black huwa Yorgen Fenech, direttur fil-kumpanija Electrogas li tmexxi l-impjant tal-enerġija f’Delimara. Skont ir-Reuters, Fenech ma riedx jgħid jekk kienx is-sid ta’ 17 Black jew le. F’Ottubru, Schembri u Mizzi qalu lir-Reuters li ma kellhomx idea tal-konnessjoni bejn 17 Black u Yorgen Fenech. Mizzi qal li ma kellu l-ebda informazzjoni dwar 17 Black. Schembri ċaħad li kien se jibbenefika mill-proġett tal-power station.

Ilbierah fhimna lkoll ir-raguni tal-attakk isteriku u vjolenti ta’ Muscat fuq @SimonBusuttil fil-Parlament xahar ilu: kien ircieva d-domandi ta’ Reuters dwar 17 Black. Kien jaf x’gej.

Posted by Jason Azzopardi on Friday, November 9, 2018