17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jirrifjuta li jwieġeb l-ewwel mistoqsija li saritlu

Read in English.

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rtira l-libell dwar 17 Black wara seduta mqanqla fil-Qorti tal-Maġistrati dalgħodu.

Schembri kien mistenni jixhed dwar il-kumpanija bbażata f’Dubaj, bħala parti minn libell li fetaħ lil Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, fuq allegat tixħim fl-2016.

Malli saritlu l-ewwel mistoqsija, Keith Schembri rrifjuta li jwieġeb fil-Qorti. Il-Maġistrat Victor Axiaq ordnalu jwieġeb u fakkru li jekk ma jagħmilx dan jista’ jkun hemm sanzjonijiet.

11:15 F’kummenti mal-midja barra l-qorti, Simon Busuttil isejjaħ għar-riżenja ta’ Schembri.

11:03 Keith Schembri jirtira l-libell.

11:00 Keith Schembri jerġa’ jidħol fl-awla. L-avukat tiegħu jgħid li qed jinkisru għadd ta’ drittijiet kostituzzjonali tal-klijent tiegħu. Jgħid li Schembri għadu qed jikkollabora ma’ awtoritajiet ġudizzjarji dwar affarijiet b’rabta mal-każ.

10:56 Il-kawża mistennija tkompli fil-11am.

10:54 Bħal issa l-kawża tinsab sospiża biex Keith Schembri jkun jista’ jikkonsulta mal-avukati tiegħu. Dan wara li kien ħa l-ġurament biex jibdew isirulu l-mistoqsijiet. L-avukat Jason Azzopardi ddeskriva din id-deċiżjoni tal-qorti bħala waħda bla preċedent.

10:55 Minkejja li l-kawża ilha li bdiet aktar minn siegħa, Keith Schembri għadu ma xehedx.

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri deher quddiem il-Qorti dwar il-kumpanija bbażata f’Dubaj, 17 Black. Hu se jkun qed jagħmel dan f’libell li fetaħ lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista fuq allegat tixħim fl-2016.

Dalgħodu fil-Qorti, il-Maġistrat Victor Axiaq qal li riċentament ġie mitkellem sabiex jirrikuża ruħu mill-każ hekk kif hu kien irrappreżenta lil Schembri bħala avukat tiegħu meta kien għadu jiprattika. Hu qal li f’dawn iċ-ċirkustanzi jkun aħjar għalih li jirrikuża ruħu.

Axiaq ċaħad it-talba għar-rekuża tiegħu u ordna li l-każ jibda minnufih. Fakkar fi kliem il-Prim Imħallef fil-ftuħ tas-Sena Forensi li ġudikant mitlub jiddeċiedi u mhux jastjeni sakemm ma jkunx hemm ksur ċar tal-liġi.

Wara, l-avukat ta’ Keith Schembri talab lill-Qorti biex ma jixhedx illum peress li hemm inkjesti maġisterjali għaddejjin. L-avukat ta’ Simon Busuttil, Peter Fenech jgħid li dawn l-inkjesti huma sigrieti u li l-kawża tal-libell ilha li nfetħet tliet snin.

Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Schembri. Wara dan, l-avukat ta’ Schembri ried japella minn dan id-digriet. Il-Maġistrat qal li appell jista’ jsir biss wara li tkun inqatgħet sentenza. L-avukat ta’ Schembri mbagħad jgħid li l-klijent tiegħu se jkun qed jiftaħ ilment kostituzzjonali peress li din il-qorti qed tiċħadlu d-dritt tas-silenzju.

Il-Maġistrat imbagħad talab għal pawża ta’ ħames minuti.

Għall-10.30am Keith Schembri tela’ jixhed.

Il-każ kif żvolġa?

Busuttil kien akkużah li rċieva flus mit-tixħim. Il-każ ġie aġġornat f’Jannar wara li l-avukati argumentaw dwar jekk Schembri għandux jixhed dwar 17 Black.

Aqra: Schembri ordnat mill-Qorti jixhed dwar 17 Black

Schembri kien fetaħ il-libell kontra Busutill minħabba l-kummenti tiegħu waqt protesta kontra l-korruzzjoni li saret fil-Belt Valletta fl-2016. F’Jannar, Schembri talab biex qabel ma jkun hemm il-kontro-eżami, Busuttil jiddikjara taħt ġurament dwar meta huwa sar jaf bil-kumpaniji 17 Black u MacBridge.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale ngħata l-promozzjoni għal Imħallef qabel ma ddeċieda dwar jekk Schembri għandux jixhed dwar 17 Black jew le.

X’inhi 17 Black?

Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f’Dubaj hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Fenech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group.

Aqra: The Daphne Project: “€1.3m f’17 Black – klijent prospettiv ta’ Mizzi u Schembri”; jiċħdu

It-Times of Malta f’ħidma konġunta mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, kisbet din l-informazzjoni minn imejl li identifikat lil 17 Black bħala wieħed mis-sorsi ta’ qligħ għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament.