17 Black: Iwaħħlu roulette mal-bieb tal-Ministeru ta’ Mizzi

Il-grupp magħruf bħala Reżistenza talbu għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi.
Huma rreferew għal artikli ppubblikati minn The Daphne Project, li juru rabta bejn il-Ministru u l-kumpanija 17 Black.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Minbarra r-riżenja, talbu wkoll lill-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) biex tieħu azzjoni immedjata.
Il-grupp waħħal posters mal-bieb tal-Ministeru għat-Turiżmu, bil-kliem evidence fl-isfond ta’ roulette.
F’April il-konsorzju ta’ ġurnalisti li qed ikompli bl-istejjer tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvela li total ta’ €1.3 miljun ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black, il-kumpanija f’Dubaj imniżżla bħala wieħed mill-“klijenti prospettivi” li jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi. 
Kemm Schembri kif ukoll Mizzi kienu saħqu li qatt ma kellhom kontijiet bankarji għall-kumpaniji tagħhom fil-Panama.
Quddiem il-Qorti, l-eks-kap tal-PN, Simon Busuttil, u l-MEP David Casa qalu li hija gidba li Mizzi ma jafx min hu s-sid ta’ 17 Black.
Intervistat waqt il-programm Newsline fuq RTK, il-ġurnalist Carlo Bonini tal-gazzetta Taljana La Repubblica stqarr li l-informazzjoni li hemm hi altru minn biżżejjed biex dawk involuti jagħtu r-risposti sodisfaċenti.