17 Black: Il-Qorti taqbel li tiġi investigata

Il-Maġistrat Francesco Depasquale laqa’ t-talba tal-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa biex issir inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black iżda talab biex l-inkjesta titkompla mill-Maġistrat Ian Farrugia.
It-talba għal inkjesta tinkludi l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus permezz tal-kumpanija 17 Black kif ippubblikati f'The Daphne Project.
F’Lulju li għadda, il-Maġistrat Ian Farrugia kien laqa’ rikors ieħor ta’ Simon Busuttil biex il-Qorti tinvestiga lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri fuq ħasil ta’ flus.
Dalgħodu l-Qorti ddeċidiet li m’għandiex tinfetaħ inkjesta separata fuq 17 Black iżda l-investigazzjoni għandha tkun parti mill-inkjesta li qed imexxi l-Maġistrat Farrugia.
F’messaġġ fuq Facebook, Busuttil qal li qed jilqa’ din id-deċiżjoni għalkemm qal li l-inkjesta oriġinali ilha mwaħħla fil-Qorti Kostituzzjonali minħabba l-kwistjoni marbuta mal-Imħallef Antonio Mizzi, dwar jekk għandux jirrikuża ruħu mill-każ peress li jiġi r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi.
Min-naħa tiegħu, Casa qal li iktar ma l-każ idum imwaħħal fil-Qorti Kostituzzjonali iktar idum biex iseħħ ġustizzja.
Aktar kmieni dan ix-xahar, kemm Busuttil u anke Casa taw ix-xhieda tagħhom quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale.
Il-PL jgħid li l-Qorti m’aċċettatx it-talba ta’ Busuttil u Casa
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Qorti m’aċċettatx it-talba ta’ Busuttil u Casa.
Il-Partit Laburista spjega dan peress li l-Qorti m’aċċettatx li tinfetaħ inkjesta separata għax skont il-Maġistrat Depasquale “dan iwassal kemm għall-ħela bla bżonn ta’ riżorsi kif ukoll illi xxekkel it-tmexxija effiċjenti tal-investigazzjoni”.
Il-PN jgħid li għat-tieni darba l-Qorti kkonkludiet li Mizzi u Schembri għandhom jiġu investigati
Fi stqarrija differenti, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Qorti kkonkludiet li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għandhom jiġu investigati. 
Il-Partit Nazzjonalista spjega dan peress li l-Maġistrat Depasquale dalgħodu talab li dawn għandhom jiġu investigati dwar allegat ħasil tal-flus, flimkien ma' Brian Tonna u Karl Cini.