17 Black: Il-Kumitat tal-PE jsejjaħ għall-azzjoni

Il-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew magħruf bħala Tax3, li jispeċjalizza fil-qasam ta’ reati finanzjarji, evażjoni tat-taxxa u evitar tat-taxxa sejjaħ biex tittieħed azzjoni dwar il-kumpanija bbażata f’Dubaj 17 Black.

AQRA: “Il-PM kien mistieden ukoll għal-laqgħa fi Strasburgu; mort jien” – Bonnici

Investigazzjoni mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters u Times of Malta kienet uriet kif il-kumpanija 17 Black hi ta’ Yorgen Fenech, id-direttur tal-Electrogas.

Il-Kumitat talab ukoll li jiġi żgurat li l-fondi fil-kontijiet bankarji fl-Emirati Għarab Magħquda jibqgħu friżati.

AQRA: Casa jitlob lil bank f’Dubaj għad-dettalji ta’ 17Black

Fir-rapport finali tiegħu li ttieħed vot fuqu llum ġie osservat kif hemm nuqqas ta’ indipendenza minn naħa tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Iktar kmieni dan ix-xahar il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici deher quddiem l-istess kumitat fejn kellu jwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu fuq diversi temi fosthom il-bejgħ taċ-ċittadinanza, 17 Black kif ukoll il-kumpaniji li kellhom fil-Panama l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

AQRA: Assassinju Daphne: “Il-Forzi tas-Sigurtà għamluha diffiċli biex il-Maġistrat jinvestiga”

L-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tad-Delegazzjoni David Casa huwa membru sħiħ tat-Tax3, fi stqarrija saħaq li wara s-smigħ quddiem il-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari jinsabu mħassbin dwar is-sitwazzjoni f’Malta u n-nuqqas ta’ azzjoni dwar każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus li jinvolvu politiċi Maltin.

Il-Kumitat sejjaħ lill-gvernijiet tal-istati membri biex jintroduċu miżuri li jipproteġu lill-ġurnalisti minn kawżi fi Qrati barranin li jistgħu jwasslu għar-rovina finanzjarja tagħhom permezz ta’ kawżi magħrufa bħala SLAPP – Strategic Lawsuits Against Public Participation.

Saret ukoll sejħa biex jiġi stabbilit Tim għall-Investigazzjoni Konġunta magħrufa bħala (JIT) biex b’hekk jiġu indirizzati id-dubji serji li qed jitqajjmu dwar l-investigazzjoni li hemm għaddejjin fuq 17 Black. Il-JIT ikollu l-appoġġ tal-Aġenziji Ewropej EUROPOL u EUROJUST. Talba simili kienet saret waqt l-istess smigħ li fih kienu tkellmu l-ġurnalisti Matthew Caruana Galizia u Stephen Gray wara li spiċċat is-seduta ma’ Bonnici. Caruana Galizia kien saħaq fuq l-importanza li jitwaqqaf dan it-tim.

Fl-istqarrija l-Ewroparlamentari Casa saħaq li hemm nuqqas serju ta’ progress fuq it-talbiet għall-informazzjoni li saru mill-awtoritajiet lill-Emirati Għarab Magħquda.

Il-PPE jrid l-iskemi tal-bejgħ taċ-ċittadinanza jiefqu

Il-Partit Popolari Ewropew fi stqarrija oħra saħaq li l-iskemi tal-bejgħ taċ-ċittadinanza magħrufa bħala “golden visas” għandhom jiefqu u għandu jiżdied l-isforz fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll l-kollaborazzjoni biex tiġi miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

Fl-istqarrija l-Ewroparlamentari Dariusz Rosati nnota kif ir-Russja kellha rwol f’diversi skandli li qed jiġu investigati mill-Kumitat Speċjali li jinkludu l-każ tal-ING Bank, ABLV Bank, Danske Bank u Deustche Bank li kellhom xi forma ta’ irbit ma’ kapital Russu jew ċittadini Russi.