17 Black: Delia jgħid li ma kienx jaf bil-laqgħa ma’ Yorgen Fenech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ma jafx li żewġ deputati tiegħu ltaqgħu ma’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black li tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja politika.

Meta kien qed jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti ftit wara li l-grupp Parlamentari Nazzjonalista ltaqa’ mal-President George Vella fil-Palazz tal-President, Adrian Delia qal li ma sar xejn ħażin li jmur kontra l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista kontra l-korruzzjoni.

Meta mistoqsi dwar jekk b’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista tilifx l-awtorità morali dwar il-kampanja kontra l-korruzzjoni, Delia saħaq li l-governanza tajba għandha tiġi mill-persuni fil-poter.

Fi storja ppubblikata minn The Sunday Times of Malta ġie żvelat li żewġ deputati li jaħdmu mill-aktar qrib tal-Kap Nazzjonalista ltaqgħu ma’ Yorgen Fenech nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Sorsi qalu li Kristy Debono u Hermann Schiavone kellhom laqgħa fil-21 sular tat-torri tal-Grupp Tumas fil-11.15am.

Adrian Delia qal li se jkun qed jitkellem magħhom it-tnejn dwar dan il-każ.

Kirsty Debono tiskuża ruħha; Tgħid li kienet “kontroversja bla bżonn”

Wara li Delia tkellem mal-ġurnalisti, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija tad-deputat Kristy Debono. Fl-istqarrija hija talbet apoloġija għal dik li sejħet bħala “kontroversja bla bżonn” u spjegat li l-intenzjoni tagħha kienet li torganizza konferenza politika.

Kristy Debono għall-bidu ċaħdet li kellha din il-laqgħa iżda aktar tard fi tweġibiet bil-miktub ammettiet li kellha din il-laqgħa li fiha talbet lil Yorgen Fenech biex ikun sponsor ta’ attività billi jagħti xi sala għal konferenza.

 

Il-President George Vella f’laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tkellem dwar l-importanza li jkun hemm dibattiti maturi kif ukoll l-importanza li jżommu perspettiva internazzjonali. Huwa semma s-sitwazzjoni preżenti li għaddejja minnha l-Libja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia flimkien mal-Membri Parlamentari min-naħa tal-Oppożizzjoni ltaqgħu mal-President George Vella fil-Palazz tal-President ġewwa l-Belt Valletta.

F’isem il-Membri Parlamentari, Delia awgura formalment lil George Vella għall-ħatra tiegħu bħala President. Delia kompla li r-riforma fil-kostituzzjoni li hemm pjanata tista’ tibdel l-irwol ta’President. Huwa qal li ħa gost jisma’ id-diskors tal-ħatra. Saħaq li l-Oppożizzjoni qalet li se tkompli titkellem dwar l-edukazzjoni u semma li se tkompli turi l-importanza ta’ gruppi vulnerabbli fis-soċjetà.

Min-naħa tiegħu l-President Vella tkellem dwar l-importanza li ssaħħaħ il-kuntatti mal-imsieħba kollha. Huwa wiegħed li se jirreċiproka l-fiduċja li ntweriet fih u se jara li bħala Kap ta’ Stat jgħaqqad in-nies flimkien.