17 Black bi profitt ta’ miljuni meta l-Enemalta xtrat wind farm f’Montenegro

Aġġornat 07:14 PM
REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Yorgen Fenech għamel profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun mix-xiri ta’ wind farm f’Montenegro mill-Enemalta.

Din l-informazzjoni ħarġet permezz ta’ investigazzjoni konġunta bejn Stephen Grey minn Reuters u Jacob Borg mit-Times of Malta.

Fix-xhur qabel inqatlet, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet qiegħda tinvestiga l-kumpanija 17 Black, li wara l-assassinju tagħha, sar magħruf li sidha kien Yorgen Fenech. F’Novembru li għadda, huwa ġie arrestat hu u jipprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu. Bħalissa qed tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih, peress li hu suspettat li ordna l-qtil.

F’Diċembru tal-2015, il-kumpanija 17 Black għamlet profitt mhux iddikjarat ta’ €4.6 miljun meta l-Enemalta xtrat wind farm fil-Montenegro. Dan il-ftehim ġara wara li l-Ministru tal-Enerġija ta’ dak iż-żmien, Konrad Mizzi, vjaġġa kemm-il darba lejn Montenegro għan-negozjati.

Dak ix-xahar stess, jirrapporta r-Reuters, accountants ta’ Mizzi u ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kitbu f’email li Schembri u Mizzi għandhom jirċievu pagamenti mingħand 17 Black għal servizzi li ma ġewx speċifikati. Dawn l-emails kienu parti minn applikazzjoni biex jinfetħu l-kumpaniji fil-Panama taż-żewġ irġiel.

Fil-Parlament fi Frar li għadda, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi stqarr li qed jistenna bil-ħerqa l-ġurnata meta joħroġ fil-beraħ interess personali li għandhom Keith Schembri u Joseph Muscat fil-proġett tal-Gvern tal-wind farms f’Montenegro.

F’April tal-2018, Schembri kkonferma ma’ Reuters li l-kumpaniji tiegħu għandhom “draft business plan” ma’ 17 Black li ma kienx ġie implimentat, imma ma tax aktar dettalji. Schembri qed jiġi investigat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Caruana Galizia.

L-eks Ministru Konrad Mizzi, li rreżenja mill-pożizzjoni tiegħu fil-qalba tat-taqlib politiku f’Malta f’Novembru u Diċembru tal-2019, meta bdew jiġu żvelati aktar dettalji fuq l-assassinju, jiċħad kwalunkwe involviment fl-assassinju. Lil Reuters kien qalilhom li m’għandux konnessjoni ma’ 17 Black. Mistoqsi fuq il-vjaġġi lejn Montenegro, Mizzi qal li l-involviment tiegħu fil-proġett kien bħala Ministru responsabbli għall-Enemalta. Baqa’ jiċħad li kellu xi sehem fi ftehim korrott.

Reuters ma sab l-ebda evidenza li 17 Black għamlet pagamenti lil Schembri u Mizzi.

Muscat, Schembri, u Mizzi għandhom jiġu arrestati – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat, Keith Schembri, u Konrad Mizzi għandhom jiġu arrestati.

Fi stqarrija l-PN qal li dan hu wkoll mument ta’ prova għall-Prim Ministru Robert Abela li sa ftit tal-ġimgħat kien il-konsulent ta’ Joseph Muscat u “biċċa waħda ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.”

Il-PN sejjaħ biex ix-xibka ta’ korruzzjoni mfassla minn Joseph Muscat u sħabu tiġi meqruda darba għal dejjem.

Il-PN spjega li minn dan il-proġett Yorgen Fenech daħħal €4.6 miljun fil-kumpanija sigrieta 17 Black li minnha Keith Schembri u Konrad Mizzi kellhom jirċievu €5,000 kuljum kull wieħed.

“Għalhekk illum stess il-Pulizija għandha tarresta u tinterroga lil min kien imdaħħal fil-ftehim korrott li sar bejn l-Enemalta u l-Montenegro meta l-Ministru responsabbli kien Konrad Mizzi, l-Prim Ministru kien Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kien Keith Schembri,” qal il-PN.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger