17 Black: Anġlu Farrugia jintalab isejjaħ lil Schembri biex iwieġeb

Read in English.

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ntalab mill-Partit Demokratiku (PD) biex isejjaħ lil Keith Schembri quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex iwieġeb dwar il-kumpanija 17 Black.

Fi stqarrija l-PD qal li ssottometta petizzjoni lill-Parlament biex il-PAC isejjaħ lil Keith Schembri quddiemu. Keith Schembri huwa ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat li t-Tnejn li għadda waqqa’ libell li kien fetaħ biex jevita milli jwieġeb dwar 17 Black.

Il-PD qal li Schembri issa jrid jaffaċċja l-liġi u ċ-ċittadini Maltin b’rabta ma’ 17 Black. Il-partit qal li kien ikun aħjar li kieku ħa azzjoni Muscat bħala gwardjan tal-prinċipji demokratiċi. Il-PD qal li Muscat qed jagħżel lil Schembri u mhux lill-poplu.

17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

Il-membru tal-PD Matthew Mizzi li ffirma l-petizzjoni qal li 17 Black tqajjem mistoqsija fundamentali dwar id-demokrazija Maltija. Staqsa jekk konnessjonijiet fin-negozju influwenzawx deċiżjonijiet fl-ogħla livelli tal-Gvern.

Mizzi qal li Schembri qed jiġi investigat minħabba 17 Black. Qal li l-proċess legali jrid isir kif suppost, però żied jgħid li dan għandu jkun l-istess għall-proċess demokratiku. Spjega li issa l-Parlament għandu jirrefletti dwar l-impatt li 17 Black qed ikollu fuq Malta.

Il-PD spjega li l-petizzjoni trid tiġi approvata minn Anġli Farrugia. Imbagħad tiġi kkunsidrata mill-Istanding Committee dwar il-Petizzjonijiet li ċ-Chairperson tagħha huwa Evarist Bartolo.

Iċ-Chairperson tal-PAC huwa Beppe Fenech Adami.

X’inhi 17 Black?

Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f’Dubaj hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Fenech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group.

Aqra: The Daphne Project: “€1.3m f’17 Black – klijent prospettiv ta’ Mizzi u Schembri”; jiċħdu

It-Times of Malta f’ħidma konġunta mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, kisbet din l-informazzjoni minn imejl li identifikat lil 17 Black bħala wieħed mis-sorsi ta’ qligħ għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament.