17% biss jafu li l-bozoz għandhom jintremew fiċ-ċentri ta’ skart goff

Tnediet skema ġdida dwar l-immaniġġjar tal-iskart, din id-darba dwar il-fliexken u l-bozoz.
Permezz tal-iskema Iġbor u Irbaħ bil-Fliexken u l-Bozoz, il-pubbliku jista’ jipparteċipa f’lotterija billi jieħu bozoz użati u fliexken fiċ-ċentri tal-iskart goff. Kull bozza tissarraf f’ħames biljetti, filwaqt li għaxar fliexken jissarrfu f’biljett wieħed. Il-lotterija tittella’ kull tliet xhur. 
Din l-iskema saret wara li minn studju li l-WasteServ għamlet dan l-aħħar, żvela li 17% biss tal-Maltin jafu li l-bozoz għandhom jintremew fiċ-Ċentri tal-iskart Goff għax jitqiesu bħala skart perikoluż. Skont ċifri li għandha l-WasteServ, 43% qalu li jarmu l-bozoz użati fil-borża s-sewda.
S’issa minn dawn iċ-ċentri, nġabru miljun flixkun, ekwivalenti għal medja ta’ 10,500 flixkun fil-ġimgħa.
Waqt it-tnedija ta’ din l-iskema, il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat saħaq li issa l-Gvern irid jindirizza l-problema tal-junk mail, wara li ssir konsultazzjoni pubblika li tinkludi l-imsieħba kollha kkonċernati. Sostna li l-Gvern huwa impenjat ukoll li jindirizza l-iskart perikoluż.