17% aktar passiġġieri tal-ajru fix-Xitwa

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rrapporta żieda ta’ 17% fil-passiġġieri li għaddew mill-ajruport fix-Xitwa li għaddiet.
Din iż-żieda ġiet irreġistrata minn total ta’ 1,873,600 passiġġier li għaddew mit-terminal Malti bejn Novembru 2017 u Marzu ta’ din is-sena.
L-aqwa ħames swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu ir-Renju Unit (+11.6%), l-Italja (+12.9%), il-Ġermanja (+14.7%), Franza (+20.9%), u l-Belġju (-3.7%), li flimkien kienu responsabbli għal aktar minn 1.3 miljun moviment tal-passiġġieri mit-traffiku totali tal-ajruport għax-xitwa.
Filwaqt li x-xhur kollha tax-xitwa kellhom tkabbir b’żewġ ċifri, Marzu kiber bl-aktar rata mgħaġġla, jiġifieri dik ta’ 22.5%.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li l-vaganzi tal-Għid u t-tnedija ta’ skeda tas-sajf li toffri aktar minn 100 destinazzjoni kienu fatturi importanti li kkontribbwixxew għall-prestazzjoni tajba f’Marzu.