17,000 għadhom ma tgħallmux kif jipparkjaw

Fl-2013, il-parkeġġ illegali baqa’ l-akbar kontravenzjoni fost is-sewwieqa Maltin. Is-sena li għaddiet ingħataw 16,919-il ċitazzjoni. Dan minkejja li kien hemm tnaqqis ta’ 4,538 ċitazzjoni meta mqabbel mal-2012.
Skont ir-rapport annwali dwar it-trasport maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), in-nuqqas ta’ ħarsien tal-linji tal-karriġata huwa t-tieni l-akbar raġuni għall-ħruġ ta’ ċitazzjonijiet.
Infatti fl-2013 ingħataw 9,400 ċitazzjoni. F’din il-kategorija wkoll kien hemm tnaqqis ta’ 2,256 ċitazzjoni meta mqabbel mal-11,656 ċitazzjoni li ngħataw fl-2012.
L-irregolaritajiet tal-liċenzji u fil-polza tal-assigurazzjoni baqgħu fost l-aktar kontravenzjonijiet komuni. Fl-2013 inħarġu 9,400 ċitazzjoni, jiġifieri bi tnaqqis ta’ 1,648 ċitazzjoni fuq is-sena ta’ qabel.
Kategoriji oħra li kienu fuq nett tal-lista kienu dawk marbuta ma’ sigurtà, indafa u l-kundizzjoni tal-vettura, kontravenzjoni ta’ traffic lights u użu ta’ mowbajl waqt is-sewqan fost l-oħrajn.
F’Malta l-iktar lokalità li fiha ngħataw ċitazzjonijiet kienet Santa Venera b’4,701 ċitazzjoni segwita minn Tas-Sliema u San Ġiljan. Il-Qrendi kienet l-inqas lokalità li fiha kienu rreġistrati kontravenzjonijiet.
F’Għawdex, ir-Rabat jibqa’ l-aktar lokalità li fiha jkunu reġistrati kontravenzjonijiet u l-inqas lokalità tibqa’ l-Għasri fejn is-sena l-oħra ngħatat biss ċitazzjoni waħda.
 

LokalitàMulti fl-2013
Santa Venera4,701
Tas-Sliema4,239
San Ġiljan3,799
Marsa3,343
San Pawl il-Baħar3,141
Ħal Qormi3,014
Ħal Luqa2,966
Valletta2,894
Msida2,490
Paola2,243