164 persuna jitilfu l-liċenzja bil-punti

164 persuna tilfu l-liċenzja minħabba s-sistema ġdida ta’ punti penali li ddaħħlet sena ilu, fejn min jgħaqqad 12-il punt għax ikun kiser xi regola tat-triq jew tat-traffiku, tittiħidlu l-liċenzja.

Dan qalu l-Ministru għat-Trasport Ian Borg waqt żjara li għamel fil-Belt Valletta fejn hemm diversi stands armati bħala parti mill-kampanja ta’ Transport Malta biex titqajjem kuxjenza fuq is-sewqan bil-galbu.

Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku li jekk wieħed ikun se jixrob, jagħmel arranġamenti biex juża mezzi tat-trasport alternattivi li ma jirrekjedux l-attenzjoni tiegħu. Il-Ministru Borg qal li hawnhekk huwa wkoll importanti li nagħfsu fuq is-sigurtà. Huwa ħabbar li għal dan il-għan is-sezzjoni tal-infurzar ta’ Transport Malta se tkun qiegħda ssaħħaħ il-kontrolli li jsiru fuq xufiera ta’ taxis, vannijiet u oħrajn li jagħtu servizzi simili fiż-żmien li ġej.

Il-Ministru faħħar l-inizjattiva ta’ dawk kollha involuti fit-twaqqif tas-Simon Schembri Blue Light Foundation, fosthom lil Simon Schembri. Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Transport Malta Joseph Bugeja qal li ftit taż-żmien ilu sar irkant minn Transport Malta fuq flokk tat-tim tal-Brażil iffirmat mill-plejers kollha ta’ dan it-tim li lagħbu fil-kampjonat tat-Tazza tad-Dinja 2018, u li mill-irkant inġabru €1,000. Huwa ħabbar li l-Awtorità rduppjat dan l-ammont u flimkien mal-Ministru, ippreżenta s-somma lill-Uffiċjal Simon Schembri sabiex tmur għall-fondi tas-Simon Blue Light Foundation.