Ikkanċellat il-pjan għall-internet mill-ajru

Facebook ikkanċellat il-pjan li kellha biex toħloq drones li jwaddbu raġġi tal-internet bil-għan li jkun hawn aktar konnetività. Dan kien konfermat mill-kumpanija stess.

Proġett Aquila, li tħabbar l-ewwel darba fl-2014, ma rnexxilux iwettaq l-ammont biżżejjed ta’ siegħat mitluba biex drone idum fl-ajru biex issir konnetività, anke minn kumpaniji rivali bħal Google. F’test minnhom id-drone ta’ Facebook inqasamlu ġewnaħ waqt li kien qed jinżel lura lejn l-art.

Ilbieraħ Facebook ħabbret uffiċċjalment li se tingħaqad ma’ kumpaniji oħra, fosthom Airbus, biex tkompli taħdem biex issib mezz kif tgħaqqad aktar lin-nies permezz tal-internet.

Din id-deċiżjoni tfisser li s-sit ta’ riċerka f’Bridgwater fl-Ingilterra, li mtiża biex tinbena t-teknoloġija se jingħalaq għal kollox. Fuq blog, id-Direttur tal-Inġinerija ta’ Facebook Yael Maguire kiteb li għalih din kienet esperjenza sabieħa u li ħa gost li permezz tagħha diversi  kumpaniji tal-aerospazju bdew jinvestu f’teknoloġija ta’ dan it-tip.

Id-drone tal-Proġett Aquila kellu l-ġwienaħ twal daqs dawk tal-ajruplani Boeing 737 u kien jiżen daqs karozza normali. Hu kien jopera b’enerġija solari matul il-ġurnata u bil-batterija tul il-lejl u waqt li kien qed jiġi pruvat irnexxielu jdum 90 mintua fl-ajru.