1,600 se jaħdmu waqt SkolaSajf

DOI - Clodagh O'Neill

Il-Gvern ħabbar li mill-bieraħ bdew jaħdmu 1,607 ħaddiem waqt il-programm SkolaSajf li din is-sena attira 7,849 student. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar dawn id-dettalji waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-iskola Primarja taż-Żurrieq li hija waħda mill-55 ċentru f’Malta u f’Għawdex fejn qed issir SkolaSajf.

Il-Ministru qal li t-tema magħżula ta’ SkolaSajf din is-sena hija “Id-Dinja tiegħi, id-Dar tiegħi” fejn l-attivitajiet li se jsiru fi SkolaSajf se jkunu marbutin ma’ din it-tema. Huwa spjega lilL-attivitajiet se jfakkru wkoll dwar il-ġid komuni li jgħaqqadna, u dwar l-importanza li nieħdu ħsieb xulxin, għaliex kullħadd jiddependi fuq ħaddiehor.

Stqarr li din is-sena SkolaSajf bdiet ħmista qabel is-soltu u se tibqa’ għaddejja sal-4 ta’ Settembru. Fl-1 ta’ Lulju bdew tfal ta’ Year 4+, fit-2 ta’ Lulju bdew dawk ta’ Years 1, 2 u 3 filwaqt li fit-3 ta’ Lulju jibdew tal-kindergarten.

Huwa rringrazzja lid-diriġenza ta’ SkolaSajf li qal li mxew b’mod tajjeb ħafna u kienu preparati mill-bidu sal-aħħar. Huwa saħaq li mill-1 ta’ Lulju tkompliet it-triq għan-normalità.

Kif se taħdem SkolaSajf din is-sena?


SkolaSajf se jkollha servizz ta’ 10 ġimgħat mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8:30 ta’ filgħodu san-nofs siegħa. Hemm ukoll servizz estiż għall-ġenituri li jaħdmu t-tnejn li huwa ofrut f’ċentri selettivi mis-7:00 ta’ filgħodu sat-8:30 ta’ filgħodu mbagħad min-nofs siegħa sal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar. 

SkolaSajf se tkun mifruxa fuq 10 ġimgħat minflok 8 ġimgħat kif tkun is-soltu.