160 tunnellata ta’ skart irriċiklat jagħtu l-ewwel post lil Ta’ Xbiex

Il-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex ġie l-ewwel fir-riċiklar, meta rriċikla 160 tunnellata ta’ skart, jiġifieri 89kg għal kull ras.
Il-premju ngħata lill-kunsill waqt is-serata ta’ rikonoxximent organizzata mill-Green MT, skema nazzjonali awtorizzata għall-ġbir tal-iskart tal-ippakkeġġjar.
Waqt l-attività tħabbar li b’kollox is-sena l-oħra mill-15,000 tunnellata ta’ skart li nġabar, aktar minn 13,000 tunnellata ġew irriċiklati, u allura ntlaħqet il-mira nazzjonali ta’ 55%.
Fil-fatt intqal li dan ifisser żieda ta’ 15% ta’ skart irriċiklat.
Wara Ta’ Xbiex ikklassifikaw l-Imġarr u l-Mellieħa.
Fi stqarrija s-Sindku ta’ Ta’ Xbiex irringrazzja lir-residenti li kkoperaw sabiex jifirdu l-iskart u talli żammew għal qalbhom l-ambjent.
Irrimarka li dan huwa l-ħames premju konsekuttiv f’din il-leġiżlatura ta’ kunsill ġdid.