160 Sena Anniversarju mill-Wasla tal-Istatwa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta

Għall-okkażjoni tal-160 sena anniversarju mill-wasla tal-istatwa devota u artistika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta, il-Komunità Karmelitana fi ħdan din l-istess parroċċa, tinforma lill-pubbliku li qiegħda torganizza Pellegrinaġġ Marjan nhar il-Ġimgha 19 ta’ Lulju 2019 fis-6pm.

Il-Pellegrinaġġ se jkun immexxi mill-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech u jibda mill-Knisja Parrokkjali u jgħaddi minn diversi toroq tal-parroċċa.

Fis-7pm se ssir quddiesa fil-Kappella ta’ Ġesú l-Ħabib fi Triq Marjanu Vella mmexxija mill-Isqof t’Għawdex flimkien mal-Komunita’ Karmelitana tal-Balluta u l-Komunita’ Franġiskana tal-parroċċa ġara tas-Sacro Cuor.

Wara l-quddiesa jitkompla l-Pellegrinaġġ fejn fid-9pm tidħol lura l-istatwa titulari tal-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja Parrokkjali.

L-Ambaxxatur u l-kofundatur tas-Soċjetà, Joseph Cuschieri rrimarka li din hija wkoll waħda mill-eqdem statwi titulari, “jew aħjar waħda mill-ewwel għaxra”. Stqarr li minn riċerka li kien għamel, kien irriżulta li din l-istatwa hija s-sitt l-eqdem statwa titulari f’Malta u f’Għawdex.