16-il immigrant jirriżultaw pożittivi għall-coronavirus

Aġġornat 07:18 AM
migrants-disembarkation
Sarah Cassar Dymond

16 mill-grupp ta’ 78 immigrant li ddaħħlu lbieraħ f’Malta mill-Forzi Armati rriżultaw pożittivi għall-coronavirus hekk kif il-grupp kollu ġie ttestjat.

Dan ġie kkonfermat fi stqarrija tal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li fiha spjega wkoll il-proċess li jiskatta xħin l-immigranti jaslu f’Malta.

Il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-immigranti li jaslu bil-baħar jinżammu immedjatament kwarantina u jiġu ttestjati. Intqal ukoll li l-immigranti li nstabu li huma pożittivi se jibqgħu jinżammu f’iżolament fil-Ħal Far Initial Reception Centre u l-bqija se jibqgħu kwarantina u jibqgħu jiġu segwiti mill-awtoritajiet.

It-total ta’ każijiet attivi f’Malta issa huwa ta’ 229 każ.

L-istqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa oriġinarjament qalet li ddaħħlu Malta 91 immigrant, iżda aktar tard ġie ċċarat li kienu ddaħħlu 78 immigrant li sarilhom swab test. Saru testijiet ukoll fuq għadd ta’ immigranti li kienu ddaħħlu Malta fil-jiem preċedenti. B’hekk, saru 91 test fuq immigranti li minnhom irriżulta li 16-il persuna għandhom il-coronavirus.

Bejn il-Ħadd u t-Tnejn, il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw lil 71 immigrant li kienu fuq il-baħar għal xi jiem. Fosthom kien hemm nisa u tfal.

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu ġie kkritikat mill-Assoċċjazzjoni Medika Maltija (MAM) wara li f’intervista lbieraħ huwa qal li n-numri għoljin ta’ coronavirus f’Malta huma dovuti għaċ-ċifri tal-immigranti li ħarġu pożittivi.

Dwar dan Newsbook.com.mt ippubblika Editorjal illum.