16-il sena mill-mewt ta’ Madre Tereża

Eluf ta’ persuni minn soċjetajiet u reliġjonijiet differenti llum fakkru l-mewt ta’ Madre Tereża ta’ Kalkutta, li llum tagħlaq 16-il sena mejta.

F’din l-okkażżjoni, is-Sorijiet tal-Missjunarji tal-Karita’, il-kongregazzjoni mwaqqfa mill-istess Beata, jorganizzaw talb speċjali fid-djar li jinsabu f’eluf ta’ pajjiżi madwar id-dinja.

Mas-sbieħ il-jum, dawk tant devoti tagħha, ħonqu t-toroq ta’ Kalkutta, joffru talb u fjuri għal din il-mara li ħalliet tant impatt kbir fl-Indja.

Minn dawk l-aktar foqra – dawk li hi tant kienet tħobb – sal-iktar nies sinjuri, Kapijiet ta’ Stati, Ministri u persuni nfluwenti sabu ħin iżuru l-qabar tagħha. Hija mietet lura fil-5 ta’ Settembru, 1997.

Madre Tereża, li mwielda jisimha Agnes Gonxha, twieldet fil-Maċedonja fis-26 t’Awwissu, 1910. Hija għexet l-itwal żmien ta’ ħajjitha, aktar minn 68 sena, fit-toroq ta’ Kalkutta, tgħin l-ifqar fost il-fqar tal-Indja.

Maż-żmien, hija fetħet djar f’bosta pajjiżi oħra biex illum hemm dar tas-Sorijiet tal-Missjunarji tal-Karità f’kull kontinent. Is-sorijiet ta’ Madre Tereża waslu ukoll fi xtutna u jgħixu l-ħajja sempliċi ta’ talb u għajnuna mal-fqar f’Bormla.