16-il restorant ġdid fil-belt Valletta

F’dawn l-aħħar tliet snin, ingħataw total ta’ 16-il liċenzja għal ristoranti u snack bars ġodda fil-Belt Valletta.
L-aktar sena li fiha ngħataw liċenzji simili f’dawn l-aħħar snin kien fl-2012. F’dik is-sena ngħataw seba’ permessi għal snack bars u tnejn għal ftuħ ta’ ristoranti.
L-attivita’ kummerċjali fil-kapitali Maltija ma waqfitx hawn. L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, l-MTA rċeviet xejn inqas minn 22 applikazzjoni b’espressjoni ta’ interess għall-iskema tal-Palazzini.
L-għan wara din l-iskema hu li investituri jikkonvertu bini storiku f’akkomodazzjonijiet lussużi.
Din l-iskema kienet ġiet imnedija s-sena li għaddiet minn Mario de Marco, dak iż-żmien Ministru għat-Turiżmu.
Biex wieħed seta’ japplika għal din l-iskema, kien hemm bżonn jilħaq ċertu kriterji.
Il-bini li fih se ssir ir-riġenerazzjoni għandu jkun f’post b’valur storiku bħal Belt jew il-Birgu u postijiet oħra. Fl-iskema hemm imniżżel ukoll li l-akkomodazzjoni m’għandiex ikollha aktar minn 30 kamra. Iżda fuq kollox, fost l-aktar kriterji importanti hemm li dawn l-akkomodazzjonijiet għandhom joffru esperjenza ta’ akkomodazzjoni lussuża u l-viżjoni tal-applikant għandha tkun waħda kreattiva u unika.  
L-iskema tal-Palazzini, flimkien ma’ iktar investiment privat għenet biex postijiet bħall-Belt Valletta jingħataw aktar ħajja.