16-il persuna premjati fil-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji

Reġgħat ittellgħat il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji fejn 16-il persuna ġew ippremjati għal xogħolhom. Il-kompetizzjoni kienet maqsuma f’6 taqsimiet differenti, fosthom kien hemm it-taqsima għall-aqwa presepju mekkaniku u presepju b’materjal oriġinali. L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija, Bruce Cortis, Joey Falzon, Manuel Abela u Keith Galea rebħu l-ewwel post fil-kategorija rispettiva tagħhom.

Id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala qalet li kompetizzjonijiet bħal dawn jgħinu biex jiċċelebra it-talent Malti. Hi qalet ukoll li t-tradizzjoni tal-presepju f’Malta tmur lura madwar 400 sena u għalhekk rabbiet sew l-għeruq fost il-poplu.

Għal din l-attività attenda wkoll il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici fejn irringrazzja lill-parteċipanti kollha tas-sehem tagħhom f’din il-kompetizzjoni u tal-esperjenza li taw lill-pubbliku li żar l-esebizzjoni tal-presepji.