Aġġornata: 21 arrestati fil-Belġju li għadu fi stat massimu ta’ allert

Aġġornata fil-5.00pm:
Baqa’ fis-seħħ il-livell massimu ta’ allert fi Brussell hekk kif iktar rejds mill-Pulizija wasslu biex jinżammu ħames persuni oħra. 

B’hekk, dawk miżmuma mill-Pulizija s’issa, bejn il-Ħadd filgħaxija u llum, huma 21 ruħ. 

Sadattant, qrib il-belt ta’ Liège, fil-Belġju, instabet abbandunata karozza BMW li, sakemm instabet, kienet meqjusa l-vettura użata minn Salah Abdeslam, l-aħħar mit-terroristi magħrufa s’issa li għadu maħrub. 

Madankollu, skont l-awtoritajiet, jirriżulta li l-vettura m’għandha ebda rabta maż-żagħżugħ maħrub. 

Fi Brussell, żdiedet b’mod qawwi s-sigurtà madwar l-istituzzjonijiet Ewropej u postijiet fosthom l-uffiċċji pubbliċi, l-iskejjel, il-ħwienet u l-ferroviji taħt l-art inżammew magħluqa. 
Iktar kmieni:
Il-Pulizija Belġjana arrestat 16-il persuna f’sensiela ta’ rejds fil-Belġju. Minkejja dan, wieħed mill-imħuħ imfittxija wara l-attakki f’Pariġi, Salah Abdeslam, baqa’ ma nstabx.
Fost 22 rejd fi Brussell u Charleroi, il-Pulizija Bel[jana sparat żewġ tiri fuq karozza f'Molenbeek fejn weġġa' wieħed mis-suspettati li aktar tard ġie arrestat.
Il-Prosekutur Belġjan qal li waqt it-tfittxijiet ma nstabu l-ebda arma jew splussiv.
Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Belġju Charles Michel qal li l-belt kapitali Belġjana Brussell se tibqa’ fl-ogħla livell ta’ allert, hekk kif hemm twissija ta' theddida terroristika imminenti.
Fl-attakki terroristiċi f'Pariġi fit-13 ta' Novembru mietu iktar minn 130 persuna, u weġġgħu 350 oħra.