16-il miljun stikka għat-22,000 persuna dijabetika f’Malta

Mas-16-il miljun stikka se jiġu mqassma lil 22,000 persuna li tbati bid-dijabete f’Malta sabiex ikunu jistgħu jiċċekjaw iz-zokkor b’xejn, kull sena.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne filwaqt li nieda t-tielet u l-aħħar parti tal-proġett.
Il-Ministru Fearne qal li l-ispiża ta’ dan il-proġett se tammonta għal madwar miljun ewro fis-sena.
Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa, intqal li l-proġett beda lura fl-2016 fejn ingħataw stikek b’xejn lit-tfal. Ftit wara żdiedu d-dijabetiċi Type 1 u wara dawk Type 2 li qegħdin fuq l-insulina. Dawn kollha qed jingħataw erba’ stikek kuljum.
Spjegaw li issa l-proġett se jkun estiż għad-dijabetiċi kollha li qegħdin fuq medikazzjoni, u se jkunu intitolati għal stikka b’xejn kuljum.
Ta’ kull xahar, il-pażjenti li jġibu l-mediċini minn lokalitajiet diversi tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek se jkunu qegħdin jirċievu ittra biex jiġbru l-istikek tagħhom.
Skont l-istqarrija, s’issa intbagħtu ittri lil dawk kollha li jgħixu l-Marsa, Ħamrun, Valletta u l-Furjana. Il-lokalitajiet se jkomplu jiżdiedu kull xahar, sakemm sal-aħħar tas-sena ikunu fl-iskema kemm Malta kif ukoll Għawdex.