Aġġornata: 16-il Kunsill Lokali rreġistraw żbilanċ finanzjarju ta’ €3m fl-2016

16-il Kunsill Lokali minn 68 rreġistraw bejniethom żbilanċ finanzjarju ta’ €3,097,651 fl-2016.
L-informazzjoni ngħatat mill-Ministeru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali għall-mistoqsija Parlamentari tad-deputat Claudio Grech. Il-Ministru Owen Bonniċi qal li tliet Kunsilli Lokali partikolari – Il-Belt Valletta, Ħal Għaxaq u l-Kalkara – ma ppublikawx ir-rapport finanzjarju awditjat iżda dan seħħ għal diversi fatturi mhux fil-kontroll tagħhom.
Il-kumplament tal-Kunsilli Lokali l-oħra rreġistraw bilanċ pożittiv.
Il-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex huwa l-iktar Kunsill bl-ogħla ammont ta’ defiċit fl-2016 fejn laħħaq €722,000.
Warajh Birkirkara b’defiċit ta’ iktar minn €500,000. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ Kunsilli hi li filwaqt li r-Rabat Għawdex żiedu l-iżbilanċ fl-aħħar 4 snin, Birkirkara naqsuh b’mitejn elf ewro.
Anke l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ tejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħu fl-aħħar snin għax l-iżbilanċ niżlu minn miljun u mitejn elf ewro għal ftit iktar minn €400,000.
Il-Kunsill tal-Mosta kellu bilanċ favorevoli fl-2012 iżda sas-sena l-oħra għamel żbilanċ ta’ iktar minn €200.
Il-Ministru Bonniċi qal li d-diskrepanza bejn il-bilanċi u l-iżbilanċi hi aktar minn evidenti meta tqabbel il-kontijiet tal-2012 u l-2016 u fi kliemu tixhed kif l-aħħar snin kienu aktar minn strumentali biex l-affarijiet jibdew jiġu rranġati minn kif kienu taħt amministrazzjoni preċedenti.  
Il-Kunsill tar-Rabat Għawdex 'jikkjarifika'
Il-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex qal lil Newsbook.com.mt li l-ammont ta’ żbilanċ kwotat fil-mistoqsija Parlamentari mhux kemm verament hu l-iżbilanċ tal-Kunsill.
Dan għax fi kliem is-Sindku Samuel Azzopardi fl-iżbilanċ kwotat fir-rapport finanzjarju daħlu figuri illi kellhom jigu reclassified
Huwa qal li fost dawn, kien hemm €383,116 fuq proġetti tal-Public Private Partnership (PPP) Scheme li gew klassifikati bhala current liabilities.
Dan meta fir-realtà skont l-iskema kif maħruġa oriġinarjament mill-Gvern dawn isiru pagament annwali ta’ €44,000 u allura €339,116 iridu jiġu rikklassifikati bħala non-current liabilities.
Intqal li €143,943 li huwa deferred income li allura kabbar l-ammont tal-current liabilities.
Dr Azzopardi qal li għalhekk meta wieħed jieħu dan inkonsiderazzjoni l-ammont jinżel għal €239,320