16-il barriera li jistgħu jintużaw għall-iskart tal-kostruzzjoni – PD

Partit Demokratiku

Il-Kap tal-Partit Demokratiku, Membru Parlamentari u l-kandidat tal-PD għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, Godfrey Farrugia, sostna li hemm potenzjalment 16-il barriera li jistgħu jintużaw biex fihom jintrema skart inert.

Fi stqarrija l-PD tkellem dwar approċċ iktar ħolistiku tal-iskart tal-kostruzzjoni. Farrugia intant sostna li ħafna minn dawn il-barrieri huma art pubblika mikrija lill-privat. Kompla jispjega li diversi hekk imsejjħa sidien mhux iħallu li dawn il-landfills jintużaw għal skop ta’ rimi ta’ skart. Qal ukoll li huma biss żewġ barrieri li qed jitħaddmu. Farrugia fakkar li l-gvern għandu s-setgħa legali li jieħu lura f’idu l-barrieri mikrija.

Il-Partit Demokratiku sostna li Malta ma għandhiex direzzjoni politika fil-qasam tal-kostruzzjoni li huwa sostenibbli. Il-PD appella lill-Gvern biex jiġi implimentat l-akkwist ekoloġiku b’mod immedjat.

Il-kandidat tal-PD għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew Anthony Buttigieg qal li biex il-qasam tal-kostruzzjoni ikun sostenibbli wieħed għandu jerġa’ juża partijiet mill-bini u materjal ieħor. Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza li l-iskart tal-kostruzzjoni jiġi separat u riċiklat filwaqt li bini mhux użat għandu jerġa’ jiġi żviluppat.