16,900 karozza fis-sena jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni

16,900 karozza fis-sena tneħħew miċ-ċirkolazzjoni kull sena mill-2010 l-quddiem.
Dan joħroġ minn ċifri mogħtija mill-Ministru Joe Mizzi fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Mizzi spjega li bejn Jannar 2010 u Ottubru ta’ din is-sena, kien hemm 52,211 vettura li ġew iggaraxxjati u 46,185 vettura li kienu skrappjati.
L-iktar sena li fiha tneħħew vetturi miċ-ċirkolazzjoni kienet l-2011 b’ 28,161 vettura, li tnejn minn kull tlieta minnhom kienu skrappjati. Is-sena li għaddiet kienet l-anqas sena li fiha naqsu vetturi miċ-ċirkolazzjoni f’dan il-perjodu – 11,553, jew madwar 40 fil-mija taċ-ċifra milħuqa tlett snin qabel. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, iċ-ċifra kienet ta’ 11,906, jew marġinalment għola mit-total tas-sena li għaddiet.