156 pajjiż jingħaqdu f’inizjattiva tal-WHO fuq vaċċin tal-Covid-19

156 pajjiż ingħaqdu f’inizjattiva tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) intiża biex jitqassam vaċċin eventwali tal-Covid-19 b’mod ekwu madwar id-dinja.

Dawn il-pajjiżi, li jinkludu l-Unjoni Ewropea sħiħa, jirrapreżentaw kważi żewġ terzi tal-popolazzjoni dinjija. Huma magħmula minn 64 stat ta’ dħul għoli u 92 stat ta’ dħul medju u baxx.

Il-COVAX Facility hi inizjattiva globali li tgħaqqad flimkien gvernijiet u manufatturi tal-vaċċini bil-għan li tassigura li meta – u jekk – jiġi żviluppat vaċċin kontra l-Covid-19, dan jilħaq kull min għandu bżonnu.

Il-pajjiżi parteċipanti jikkommettu ruħhom li jgħaqqdu flimkien ir-riżorsi finanzjari u xjentifiċi tagħhom biex ma jbatux l-impatt tal-falliment ta’ kandidat ta’ vaċċin individwali, u biex jassiguraw li vaċċin li jirriżulta effettiv jiġi prodott u distribwit sew. L-istati bi dħul medju u baxx ikunu eliġibbli għall-għajnuna biex ikunu jistgħu jixtru u jqassmu dożi tal-vaċċin.

Il-COVAX Facility issa se tibda tiffirma ftehim ma kumpaniji li qed jiżviluppaw u li jistgħu jipproduċu l-vaċċin, bil-għan li d-dożi meħtieġa tal-vaċċin ikunu jistgħu jiġu pprokurati sal-aħħar tal-2021.

“Gvernijiet minn kull kontinent għażlu li jaħdmu flimkien; mhux biss biex jassiguraw li l-popolazzjonijiet tagħhom ikollhom il-vaċċin, imma anke biex jgħinu dawk li huma l-aktar vulnerabbli jkollhom aċċess,” spjega Seth Berkley, il-kap eżekuttiv ta’ Gavi, the Vaccine Alliance, li qed tikkoordina l-inizjattiva.

“Bl-impenji li qed inħabbru llum għall-COVAX Facility, kif ukoll il-partnership storika li qed nilħqu mal-industrija, għandna ċans ħafna akbar li nġibu l-fażi akuta tal-pandemija fit-tmien meta vaċċin effettiv jiġi żviluppat.”

Il-WHO ħarġet ukoll framework biex tassigura li l-vaċċin jitqassam b’mod ekwu u biex l-ebda pajjiż li jipparteċipa fil-COVAX ma jitħalla barra.

“Il-Covid-19 hija kriżi bla preċedent, li tirrekjedi risposta globali bla preċedent,” qal id-direttur ġenerali tal-WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus. “L-unika riżultat ta’ nazzjonaliżmu tal-vaċċin ikun li jtawwal il-pandemija u ż-żmien biex tirkupra l-ekonomija globali. Li naħdmu flimkien bil-COVAX Facility m’huwiex att ta’ karità: hu fl-interess ta’ kull pajjiż tiġi kkontrollata l-pandemija u jiġi aċċelerat l-irkupru tal-ekonomija globali.”