156 avukat u prokuraturi legali ġodda jingħataw il-warrant

Ilbieraħ, 156 avukat u ħames prokuraturi legali ġodda ngħataw il-warrant wara li ggradwaw f’Novembru li għadda.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici aċċenna fuq l-importanza u r-responsabbiltà tal-professjoni filwaqt li ħeġġiġhom jimxu mal-kodiċi tal-etika, kif ukoll iġibu ruħhom b’serjetà speċjalment hekk kif qed jirrappreżentaw il-ġustizzja.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja, semma kif fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonnici fakkar fix-xogħol li sar fuq il-Qrati f’din il-leġiżlatura sabiex jittejjeb is-servizz provdut.
Hu rrefera għall-Qrati tal-Familja akbar, iż-żieda ta’ żewġ awli ġodda, u s-servizzi ġodda tal-Qorti bħal Get Mobile Notifications, il-My Cases, kif ukoll ir-Reġistru tal-Persuni Interdetti u Inabilitati uffiċjali.
Fl-aħħar jiem qamu bosta polemiċi fuq żewġ studenti li ppruvaw japplikaw biex iġibu l-liċenzja ta' avukat, instab li kienu ħatja li wettqu reati kriminali.
Ritratt: DOI – Jason Borg