154 multa għal persuni li kisru r-regoli dwar l-użu tal-maskri

Miguela Xuereb

Read in English.

Matul ix-xahar ta’ Awwissu ħarġu total ta’ 154 multa b’rabta man-nuqqas ta’ użu jew użu ħażin tal-maskri fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus.

Dan jidher fi statistika maħruġa mis-sistema tal-infurzar lokali (LES) u li tinkludi fiha informazzjoni miġbura bejn it-13 ta’ Marzu u l-31 ta’ Awwissu.

L-avviż legali daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu u jgħid li kull min jinqabad mingħajr maskra fi ħwienet tal-merċa, fuq it-trasport pubbliku, fit-terminals tal-Gozo Channel jew fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, jeħel multa. Il-multa hija ta’ €100, iżda dak li jkun jista jifranka €50 minn din il-multa jekk jammetti n-nuqqas tiegħu quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja.

Meta wieħed iħares lejn ġeografikament fejn ħarġu dawn il-multi, jidher li l-maġġoranza tagħhom (55) ħarġu fin-Nofsinhar ta’ Malta. Fiċ-ċentru ta’ Malta nħarġu 43 multa, fit-Tramuntana nħarġu 32, fix-Xlokk inħarġu 22 u f’Għawdex inħarġu tnejn.

Multi fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu:
34 persuna jeħlu multa talli ma kinux lebsin maskra

Fl-ewwel ġimgħa li ddaħlet fis-seħħ din il-miżura, skont Prof. Charmaine Gauci, kienu nħarġu total ta’ 34 multa f’intervista fuq ix-xandir pubbliku. Intant kien spjegat li tfal li għandhom inqas minn tliet snin m’għandhomx jilbsu maskra għaliex din taf tagħmlilhom il-ħsara.

Matul ix-xahar ta’ Awwissu ħarġu wkoll total ta’ sitt multi relatati ma’ ksur ta’ iżolament mandatorju, 33 multa fejn jidħol ksur ta’ kwarantina mandatorja u żewġ multi relatati mal-għadd ta’ persuni f’postijiet pubbliċi.

B’kollox, minn meta feġġet il-pandemija fil-pajjiż s’issa nħarġu total ta’ 1,859 multa relatati ma’ ksur ta’ diversi avviżi legali. L-akbar numru ta’ multi ħareġ b’rabta mal-avviż legali li kellu x’jaqsam mal-ammont ta’ persuni fi gruppi f’postijiet pubbliċi (LN 113) bit-total jitla’ għal 1,158 multa.

Matul dawn ix-xhur, l-aktar żona tal-pajjiż fejn inħarġu multi kien fit-Tramuntana, bit-total jilħaq 916-il multa. Intant l-inqas kien Għawdex fejn b’kollox inħarġu biss 42 multa.