152 miljun tifel u tifla għadhom skjavi

Pexels

Illum il-Jum Internazzjonali kontra l-Iskjavitù tat-Tfal. Skont in-Nazzjonijiet Magħquda (NM), din hi pjaga li għadha fostna u li minħabba l-pandemija COVID-19 kompliet tgħolli rasha.

COVID-19 kellu impatt qawwi u ikrah fuq il-ħajja ta’ ħafna nies. L-ewwel u l-aktar li jbatu huma t-tfal li minħabba din il-pandemija qed isofru l-konsegwenzi u jiġu sfruttati aktar fid-dinja tax-xogħol.

In-NM jistmaw li 152 miljun tifel u tifla li jiġu sfruttati u li 72 miljun minnhom jagħmlu xogħol ta’ periklu għas-saħħa. Minħabba l-COVID-19, skont in-Nazzjonijiet Magħquda, dawn it-tfal qegħdin f’riskju akbar, f’xogħol aktar iebes u ħinijiet itwal ta’ xogħol.

Dan mhux sempliċement xi qadi jew xi affarijiet ċkejkna li t-tfal jistgħu jitqabbdu jagħmlu. In-NM tikklassifika dan l-abbuż u sfruttament meta “dawn it-tfal huma żgħar ħafna (saħansitra ta’ ħames snin) biex jaħdmu jew jiġu involuti f’ħidma li hi perikoluża għas-saħħa fiżika, mentali u li jxekkel l-iżvilupp soċjali u edukattiv tagħhom.”

L-appell tal-Papa Franġisku

Waqt l-Udjenza Ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, il-Papa Franġisku għamel appell imqanqal sabiex titwaqqaf din il-pjaga fis-soċjetajiet tagħna. “Nappella,” qal il-Papa Frangisku, “lill-istituzzjonijiet biex jagħmlu kull sforz possibbli biex jipproteġu l-minuri.”

Hu talabhom biex inaqsu l-firda ekonomika u soċjali li huma l-għerq li jwassal lilhom u lill-familji tagħhom għal faqar estrem li jisfurzahom iħaddmu lil uliedhom. Il-Papa Franġisku tenna li “dawn huma forom ta’ skjavitù li jwasslu għal sofferenzi fiżiċi u psikoloġiċi.”

“Kollha kemm aħna, għandna responsabbilità għal dan” żied jgħid il-Papa li temm l-appell tiegħu billi fakkar li “t-tfal huma l-futur tal-familja umana: aħna fid-dmir li nħarsu l-iżvilupp, is-saħħa u s-serenità tagħhom.”