15,199 każ ġdid tal-coronavirus fl-Italja; 127 mejta

coronavirus italy

Read in English.

Ġurnali fl-Italja qed jirrappurtaw kif illum kien hemm żieda drastika ta’ każi ġodda pożittivi fl-Italja. Il-ġurnal ANSA rrapporta li llum instabu total ta’ 15,199 każ ġdid ta’ coronavirus, skont il-Ministeru għas-Saħħa tal-pajjiż. Din iż-żieda hija waħda sostanzjali meta mqabbla mal-10,874 li nstabu lbieraħ.

Din qed tintqies bħala l-akbar żieda minn meta l-pandemija reġgħet bdiet tinfirex bis-saħħa fil-pajjiż, u madwar id-dinja.

Intant, fl-aħħar 24 siegħa kienu rreġistrati 127 mewta ġdida, meta kkumparat mad-89 mewta rreġistrat nhar it-Tlieta.

L-Italja qed tesperjenza żieda rekord ta’ każi ta’ kuljum hekk kif il-pajjiż ukoll intlaqat mit-tieni mewġa.

Skont ANSA, il-gvern ħa miżuri biex jikkumbatti l-firxa tal-virus, filwaqt li fil-Lombardija u l-Kampanja kien impost curfew. F’dawn ir-reġjuni, minn għada, il-pubbliku ma jistax ikun barra bejn il-11pm u l-5am.

Madanakollu l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li mhux se jkun qed jimponi lockdown nazzjonali ieħor.

Intant, il-ġurnal The Guardian irrapporta kif il-Lombardija, li kien ir-reġjun l-aktar milqut fl-Italja mill-ewwel mewġa tal-virus, irreġistra numru rekord ta’ każi ġodda ta’ coronavirus fl-aħħar 24 siegħa: 4,126. Dan ifisser li ftit aktar minn kwart tal-każi ġodda fl-aħħar 24 siegħa ħarġu minn dan ir-reġjun.