151 ħaddiem tas-saħħa kwarantina

L-ebda kumpens propost għall-frontliners

Nurse-Mater-Dei-Hospital
Miguela Xuereb

Bħalissa hemm 151 professjonist mediku li jaħdmu fid-Dipartimenti tal-Ministeru għas-Saħħa li qegħdin kwarantina minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Fil-Parlament, il-Ministru Chris Fearne qal li filwaqt li l-Gvern huwa grat ħafna “għax-xogħol dedikat, professjonali u kompetenti li qed juru l-frontliners,” bħalissa m’hemmx diskussjonijiet biex dawn jingħataw xi tip ta’ kumpens. Madanakollu, il-Ministru mhux jeskludi li jkun hemm diskussjonijiet mal-unjins ikkonċernati jekk jirriżulta li hemm il-lok ta’ tibdil fil-ftehim settorjali rispettiv.

Il-Ministru qal dan meta ġie mistoqsi mid-Deputat Claudette Buttigieg jekk talabx li l-frontliners fis-settur tas-saħħa jingħataw xi tip ta’ kumpens “fil-baġit li nesiehom kompletament.”

Il-Ministru għas-Saħħa qal li fl-aħħar seba’ ġimgħat, il-Gvern impjega 44 infermier ġdid biex tintlaħaq it-talba għas-servizz tas-Saħħa. Fearne qal ukoll fil-jiem li ġejjin se jiġu impjegati 11-il infermier ġdid ieħor.

Il-Ministru kien qed iwieġeb għal serje ta’ mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista.