150 siġra se jitħawlu fl-Aħrax tal-Mellieħa

100 siġra tal-prinjol u 50 siġra tal-bruk ingħataw mill-Ministeru għall-Ambjent sabiex jiħawlu fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Is-siġar qed jingħataw permezz tas-Sezzjoni PARK, u se jkunu qed jitħawlu mill-Għaqda Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti.
Il-Ministeru qal fi stqarrija li din hi inizjattiva pożittiva ferm u ħeġġeġ sabiex isiru iktar attivitajiet bħalha.
Preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, Clint Camilleri, li kkundanna l-aġir ta’ ċertu nies li meta jżuru dan il-post, flok igawdu l-ambjent naturali u jħalluh kif sabuh għat-tgawdija ta’ kulħadd, jagħmlu ħsarat estensivi fl-akwati billi jwaqqgħu l-ħitan tas-sejjieħ u jaqtgħu s-siġar.
Appella lil kulħadd biex jieħu ħsieb mhux biss dan il-masġar imma l-ambjent kollu, u biex jiġi mħares l-ambjent naturali u ma ssirx ħsara jew vandaliżmu.
Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u l-Membru Parlamentari Clayton Bartolo.
Ritratt: MESDC_PS