150 pulizija ħatja f’każi ta’ dixxipplina

Fl-2014 kien hemm 150 membru tal-Korp tal-Pulizija li nstabu ħatja f’każi ta’ dixxipplina.
Dan ħareġ minn informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern Carmelo Abela fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.  
It-total tal-każi ta’ uffiċjali li kellhom każ ta’ dixxiplina kien ta’ 169, li minnhom 19 kienu liberati.
L-iktar kastig komuni kien dak fejn il-membru tal-Korp li nstab ħati kellu ġranet ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa mwaqqfa. Dan il-kastig, ingħata 74 darba.
Persuna waħda weħlet multa ta’ mhux iktar minn sebat ijiem paga.
Kastigi f'każi inqas gravi kienu jinkludu ‘ċanfira iebsa’ li ngħatat seba’ darbiet, ‘ċanfira’, li ngħatat 19-il darba, u ‘twissija’ li ngħatat f’49 każ.
Fl-2013, ma kien hemm l-ebda uffiċjal li nstab ħati hekk kif il-Kummissarju ta' dak iż-żmien kien ta amnestija lil dawk kollha involuti fi kwalunkwe każ ta' dixxipplina.
Fi tweġiba separata, l-istess Ministru qal li fl-aħħar sentejn, ġew boarded out għaxar uffiċjali tal-Pulizija. Sitta kienu Kuntistabbli, tlieta kellhom ir-rank ta’ Surġent u wieħed Spettur.