Iż-żgħażagħ li huma parti mill-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti – Università din is-sena ħasbu f’mod differenti kif iferrxu l-imħabba fil-Milied.
Filwaqt li s-soltu, ta’ kull sena, l-Għaqda tal-Malti tbigħ il-kartolini tal-Milied bil-Malti, din is-sena, hija ġabret il-flus sabiex tieħu ħsieb tipproduċi kartolini tal-Milied oriġinali, bil-Malti, sintendi, li tqassmu fid-djar tal-anzjani lil dawk li jinsabu waħedhom, forsi mċaħħdin mill-familji tagħhom.
L-Għaqda tal-Malti, għaqda universitarja b’aktar minn 400 membru, irnexxielha tiġbor ‘il fuq minn €400 biex tikkollabora mad-disinjatriċi bl-isem Tislijiet, li ħarġet b’disinn sabiħ għall-kartolini.
Dawn tqassmu fi tlett idjar tal-anzjani: f’Dar Saura fir-Rabat, fid-Dar tal-Little Sisters of the Poor fil-Ħamrun, u fir-Residenza San Vinċenz de Paule fil-Marsa.
“Jalla dan il-messaġġ ipoġġilek tbissima fuq fommok f’dan iż-żmien li jinħass iebes aktar mis-soltu,” għandhom miktub il-kartolini.